"Il-Partit Laburista l-uniku assigurazzjoni għad-drittijiet LGBTIQ f'pajjiżna" | One News

Notifiki

“Il-Partit Laburista l-uniku assigurazzjoni għad-drittijiet LGBTIQ f’pajjiżna”

“It-terrur ma jbiddilix persuni minn omosesswali għal eterosesswali, sempliċiment iweġġa l-iktar persuni vulnerabbli għall-kumplament ta’ ħajjithom”, qal il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer f’laqgħa politika Taħt it-Tinda fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar.

Engerer tkellem fit-tul fuq il-libertajiet ċivili f’pajjiżna u qal li saret rivoluzzjoni fil-liġijiet tal-pajjiż.  Hu spjega li dawn il-kisbiet ma jistgħux jittieħdu for granted u jridu jiġu ssalvagwardjati.  “Adrian Delia qal li fuq drittijiet ċivili jreġġa l-arloġġ lura.  Ftaħar li hu iktar konservattiv minn Simon Busuttil.  Jekk Simon Busuttil ġiegħel lill-Partit Nazzjonalista jastjeni fuq l-Unjoni Ċivili u ma resaqx lejn il-Parlament għall-vot fuq il-liġi dwar l-identità tal-Ġeneru, x’se jagħmel Adrian Delia li kieku l-poplu Malti u Għawdxi jafdah?”, saqsa Engerer.

Fid-diskors ta’ Cyrus Engerer spikkat il-passjoni li għandu għall-ugwaljanza u qal li filwaqt li l-liġijiet inbiddlu għad baqa’ ħafna xi jsir kemm fil-liġijiet ta’ pajjiżna, u aktar minn hekk fil-mentalità.  Hu rreffera għall-ewwel episodju tal-podcast  il-ġdid ta’ Christian Peregin fuq LovinMalta li tkellem ma’ Clayton Mercieca, ġenitur ta’ tifel mwieled grazzi għall-proċeduri tas-surrogacy, li sab numru ta’ diffikultajiet sabiex hu u żewġu jirreġistraw it-tarbija tagħhom f’Malta, għaliex din il-proċedura għada illegali f’pajjiżna.  Engerer qal li ma jistgħax jiġi rrepetut iż-żmien meta biex tgawdi minn libertà ċivili bħal din, trid tkun taffordja tmur barra l-pajjiż għaliha.  “Mhux kulħadd jaffordja jgħix għall-iktar minn xahar barra l-pajjiż, bl-ispejjeż kollha li dan iġib miegħu.  Il-libertajiet ċivili għandhom ikunu available kemm għall-fqir kif ukoll għall-għani, b’regolamentazzjoni li tagħmel sens u li tissalvagwardja l-interessi tal-partijiet kollha”, saħaq Cyrus Engerer.

Engerer għamel referenza ukoll għal żewġ proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.  Qal li jħares ‘l quddiem li dawn jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli.  L-ewwel nett, kemm jista’ jkun malajr għandha titneħħa l-projbizzjoni minn fuq rġiel gay milli jgħatu r-rigal tad-demm.  Hu spjega li kif qal il-Kumissarju Ewropew għas-saħħa, kif ukoll il-World Health Organisation, il-projbizzjoni ma għandiex tkun abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, iżda waħda dwar l-imġieba sesswali tal-individwu.  Apparti minn hekk, tkellem dwar il-proġett pilota mwiegħed f’pajjiżna dwar it-tilqim, permezz tal-PrEP mill-virus tal-HIV.  Hu saħaq li dan il-proġett għandu jibda mill-iktar fis possibbli, hekk kif f’pajjiżi oħra qed iħalli riżultati bla preċedenti.  Fuq kollox, saħaq Engerer “irridu naħdmu biex titneħħa l-perċezzjoni negattiva, l-istigma u d-diskriminazzjoni fuq persuni HIV+ f’pajjiżna”.  Kien hawnhekk fejn Engerer faħħar l-inizjattivi tal-għaqda ARC kif ukoll tal-Marcy Foundation fil-ġlieda tagħhom kontra l-istigma fuq persuni HIV+.  Ħeġġeġ lil kulħadd biex isegwi l-attività mtella’ mill-għaqda ARC nhar it-Tnejn 4 ta’ Marzu f’dan ir-rigward.

F’diskors li għamlet il-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, l-Ministru Helena Dalli qalet li temmen fl-abilitajiet ta’ Cyrus Engerer biex jirrappreżenta l-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew mhux għax sempliċiment temminhom, iżda għaliex esperjenzathom.  Hi tkellmet fuq ix-xogħol tagħha flimkien ma’ Cyrus fuq l-ugwaljanza, hekk kif kienet appuntatu bħala l-ewwel ċerpersin tal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ f’Malta, kif ukoll dwar ix-xogħol li għamlu flimkien fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u fil-perjodu ta’ wara.  “id-drive, din il-ħeġġa, u din l-istamina li għandu Cyrus hija importanti ħafna biex jirrappreżentana bħala Membru Parlamentari Ewropew, għax għandna bżonn nies li għandhom din l-istamina”, temmet tgħid Helena Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend