Fl-istaġun xitwi, il-gżira Għawdxija rat żieda ta’ 23 % fit-turisti.
Dan tħabbar mill-Ministru Konrad Mizzi waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu.
Huwa saħaq li l-Gvern qed jaħdem ma’ din l-Assoċjazzjoni biex it-turiżmu f’Għawdex ikompli jikber mhux fis-sajf iżda wkoll fix-xitwa.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal: “Dan it-tkabbir irridu nkomplu nibnu fuqu u rridu nassiguraw li jkun hawn aktar events, iktar attractions għall-familji li jiġu lejn Għawdex. Aħna qed naħdmu flimkien mal-Ministeru t’Għawdex biex titjieb l-infrastruttura f’Għawdex, qed naħdmu mal-MTA biex intejbu l-events, qed naħdmu mal-GTA biex jattendu huma fieri importanti biex ċertu swieq importanti li s’issa għadhom ma jiġux lejn Għawdex nibdew natirawhom b’mod dirett.”
Il-Ministru Mizzi kompla jgħid kif se jkompli jaħdem biex Għawdex ikun destinazzjoni għall-kulħadd.
Min-naħa tagħha l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif il-Gvern qed jagħmel diversi investimenti fil-Gzira tat-Tlett Għoljiet.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet: “Bħala Ministeru għal Għawdex qed ninvestu mhux biss fil-prodott turistiku allura l-infrastruttura, il-proġett infrastrutturali kif ukoll in-networks għall-aċċessibiltà kemm bl-art, bil-baħar però issa wkoll dalwaqt bl-arju però wkoll imbagħad ukoll il-kalendarju kulturali biex ovvjament inkunu nistgħu noħolqu attrazzjoni matul is-sena kollha bħala Għawdex – destinazzjoni turistika distinta.”
Iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu Paul Scicluna qal li Għawdex jeħtieġ li jkollu titjib fil-konnettività biex id-domanda tiġi indirizzata.
Matul il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li għaddej ix-xogħol biex jerġa jibda jopera s-servizz ta’ ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer.
Is-Sur Scicluna saħaq li l-operaturi turistiċi għandhom jinvestu fil-prodott li joffru biex jgħollu l-livell tagħhom.