Ġew installati ħmistax-il Automated External Defibrillator (AED) f’San Vinċenz De Paul, li jekk jintużaw wara ħames minuti minn x’ħin persuna jkollha attakk tal-qalb, iċ-ċans għall-għajxien jiżdied bi 80%.
Waqt l-inawgurazzjobi, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis stqarr li dan l-iżvilupp huwa wieħed importanti għal din il-faċilità biex tkun preparata għall-emerġenzi li jistgħu jinqalgħu, għaliex apparti li tospita aktar minn 1,000 anzjan/a bħala residenti, tħaddem madwar 1,800 persuna, u ta’ kuljum iżuruha bosta familji u qraba tal-istess residenti.
Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul, spjegat kif din l-inizjattiva hija bbażata fuq studju tekniku fejn ġew evalwati kif ċerti riskji għandhom jiġu indirizzati, wara rakkomandazzjoni mill-bord konsultattiv ta’ SVP. Kien proprju dan l-istudju li indika biċ-ċar in-numru ta’ dan l-apparat li għandu jkun installat f’diversi swali tal-faċilità, kif ukoll fejn għandu jiġi mpoġġi dan l-apparat.
Dan l-apparat huwa faċli biex tużah, anke għal persuni li m’għandhomx sfond mediku, madankollu l-ħaddiema ser jirċievu taħriġ sabiex jagħmlu użu minn dawn il-magni jekk ikun hemm il-bżonn. Minħabba li dawn l-AEDs huma portable, ser ikun hemm magna waħda li tista’ tiġi mislufa minn swali oħra fil-qrib.
Għaldaqstant, b’investiment ta’ madwar €40,000, qegħdin naraw it-tisħiħ f’ambjent sigur ġewwa San Vinċenz De Paul, biex b’kollox illum hemm tmintax-il AED. Għalkemm il-baġit għal dan il-proġett mhux xi wieħed straordinarju, dan huwa eżempju ċar ieħor ta’ investiment effettiv.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis temm jgħid li, “bħal dejjem inħares ‘il quddiem biex flimkien, bħala tim wieħed, inkomplu ntejbu din il-faċilità għal waħda state-of-the-art, li qiegħda toħloq standards għal servizzi oħra f’dan is-settur”.