F’laqgħa oħra tal-core group tal-MEUSAC, is-sħab soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ddiskutew l-isfidi marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni f’pajjiżna fid-dawl tar-regolamenti u l-miri tal-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea tqis l-iskart tal-kostruzzjoni bħala prijorità, partikolarment minħabba li dan jammonta għal bejn 25% u 30% tal-iskart kollu ġġenerat madwar l-UE. Fil-fatt l-UE bdiet tisħaq fuq l-importanza li dan l-iskart jiġi rkuprat jew irriċiklat bħala parti mill-Istrateġija fuq l-Ekonomija Ċirkolari. Parepassu ma’ din l-istrateġija, is-sena l-oħra ġiet adottata direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills li tintroduċi miri ġodda li jridu jintlaħqu sas-sena 2035 biex jonqos b’mod sostanzjali r-rimi ta’ skart riċiklabbli u li jista’ jiġi rkuprat.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li kampanji u inizjattivi bħas-Sort It Out Campaign u d-distributuri awtomatiċi li jiġbru l-fliexken tal-plastik huma xhieda ħajja ta’ kif permezz tal-fondi Ewropej, il-gvern qed jinvesti fl-ekonomija ċirkulari.
F’dan il-kuntest, Farrugia rrefera wkoll għall-proġett R2Pi, li jaqa’ taħt il-programm ta’ fondi Ewropej Horizon 2020, u li qed jgħin l-industrija tal-kostruzzjoni u n-negozji biex huma ukoll iħaddnu l-politika tal-ekonomija ċirkulari li hija tant importanti għas-sostenibbiltà ekonomika ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli żiedet li minkejja x-xogħol u l-progress kollu li ksibna fl-immaniġġjar tal-iskart fl-aħħar snin, għad baqalna x’naqdfu biex nilħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea billi nnaqqsu dejjem aktar ir-rimi ta’ skart fil-landfills. Dan b’mod partikolari fir-rigward tal-iskart tal-kostruzzjoni, u għaldaqstant ma nistgħux nitkellmu biżżejjed dwar din ir-realtà.
Il-Ministru Dalli tenniet l-impenn tal-gvern li joħloq bilanċ bejn l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien ambjentali biex fi spirtu ta’ djalogu soċjali b’saħħtu, Malta tilħaq il-miri ambizzjużi li għandha quddiemha.Waqt il-laqgħa ngħatat preżentazzjoni mill-Inġ. Mario Schembri li tkellem dwar id-diversi sfidi għal pajjiżna marbuta mal-ġenerazzjoni u t-trattament tal-materjal tal-kostruzzjoni. Huwa tkellem dwar diversi xenarji, bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom, fosthom it-tnaqqis tal-iskart iġġenerat, il-prattiċi ta’ kif isir il-bini f’Malta, ir-restawr flok it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid, ir-riċiklaġġ tal-materjal tal-bini u l-esportazzjoni tiegħu.
Fi preżentazzjoni oħra, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, permezz tal-President Sandro Chetcuti u l-Perit Konrad Bezzina, tkellmet dwar l-isfidi marbuta mal-użu mill-ġdid tal-materjal tal-kostruzzjoni billi jiġi sseparat u rriċiklat. Il-kelliema sejħu għall-introduzzjoni ta’ prattiċi innovattivi bħall-prefabbrikazzjoni tal-materjal għall-bini barra mis-sit innifsu.
Fost l-interventi minn dawk preżenti inqabel li neħtieġu bidla fil-mentalità billi kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u jerfa’ r-responsabbiltà tal-iskart li joħroġ minn daru. Fuq nota aktar speċifika, kien hemm sejħa għal aktar inċentivi li jgħinu fir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni. Finalment spikka l-kunsens li huwa biss bi sforz kollettiv li nistgħu nilħqu l-miri ambizzjużi tal-Unjoni Ewropea, b’rispett sħiħ lejn iċ-ċirkostanzi u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna.