"Is-settur finanzjarju ta' Malta huwa marbut b'saħħtu mal-bqija tad-dinja"- l-IMF | One News

Notifiki

“Is-settur finanzjarju ta’ Malta huwa marbut b’saħħtu mal-bqija tad-dinja”- l-IMF

Esperti tal-Fondi Monetarju Internazzjonali kkonkludew li s-settur finanzajru ta’ Malta huwa f’saħħtu.

Dan joħroġ mill-Financial System Stability Assessment li sar mill-esperti tal-IMF fuq talba tal-Gvern Malti f’Settembru tal-2017.

Fl-evalwazzjoni tagħhom qalu li minkejja li hemm xi sfidi, is-sistema bankarja f’Malta hija f’saħħitha. Qalu li l-banek għandhom kapital u likwidità għolja u jistgħu jilqgħu għal xokkijiet kbar li jista’ jkollha l-ekonomija minn barra. Madakollu qalu li f’dawn iċ-ċirkostanzi banek żgħar jistgħu jkunu esposti għal xi riskji.

Fir-rappport tagħhom l-esperti tal-IMF faħħru l-miżuri li ttieħdu fl-aħħar xhur biex ikunu miġġielda r-riskji. Ħeġġu biex ikompli jissaħħaħ il-qafas legali flimkien mal-proċess li janalizza l-informazzjoni eżistenti tal-bank u r-riskji marbuta mas-self f’ċertu setturi.

L-esperti laqgħu ukoll il-miżuri li mistennija jiddaħħlu biex jiġu indirizzati ċertu vulnerabilitajiet fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

Saħqu fuq riżorsi xierqa biex titħares l-indipendenza tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u qalu li nuqqasijiet min-naħa tal-banek jeħtieġu azzjoni urġenti.

Qalu l-MFSA għandha żżid l-ispezzjonijiet fuq il-post, toħroġ aktar multi u tassigura li l-azzjonijiet ta’ superviżjoni ma jdumux minħabba appelli fil-qrati.

B’reazzjoni l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Mario Vella nnota l-evalwazzjoni pożittiva dwar l-istabbilità finanzjarja f’Malta. Huwa nnota wkoll r-rakkomandazzjonijiet pożittivi li saru fir-rapport u qal li dawn jirriflettru x-xogħol li diġà qiegħed isir. Qal li l-bank jinsab lest li jikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Iċ-ċermen tal-MFSA, il-Professur John Mamo qal li l-awtorità ħadet nota tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport biex tkompli ssaħħaħ l-inforzar tagħha permezz ta’ żieda fir-riżorsi u investiment fit-teknoloġija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend