Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħu lil diversi rappreżentanti tas-setturi ekonomiċi Għawdxin sabiex jiddiskutu l-potenzjal ta’ investiment Ċiniż f’Għawdex.
Il-Ministru Scicluna qal li huma ħafna d-delegazzjonijiet u anke investituri li jżuru Malta biex jiddiskutu l-investiment, madanakollu huma ftit li jmorru f’Għawdex u jaraw b’għajnejhom il-potenzjal li toffri din il-gżira.
Il-Ministru Edward Scicluna qal: “l-iskop illum kien li ghandna delegazzjoni Ċiniza importanti gejja f’pajjiżna u l-coordinator ta’ din id-delegazzjoni oġobha li tilqa l-istedina tal-ministru u tiegħi li tiġi Għawdex, tisma min-nies fil-business dwar Għawdex, x’inhu l-potenzjal tiegħu u l-opportunitajiet tal-investiment.”
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma sfieqa biex jiġi attirat aktar investiment dirett barrani lejn Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex qalet: “Dan b’diversi modi, permezz ukoll ta’ kollaborazzjoni ma’ ministeri oħrajn biex ikollna wkoll delegazzjonijiet ta’ business people tal-komunità kummercjali biex ikunu jistgħu jesploraw investiment f’Għawdex”.
Saħqet li eżerċizzji bħal dawn u li fihom jikkonkorru entitajiet u persuni mis-settur kummerċjali f’Għawdex ikompli jwassal messaġġ b’saħħtu li Għawdex hu post miftuħ u lest jilqa’ aktar investiment barrani.
Wara din il-laqgħa l-Ministri Scicluna u Caruana akkumpanjaw lill-koordinatur tad-delegazzjoni u żaru numru ta’ proġetti b’oqsma ekonomiċi diversi fuq il-gżira.