Id-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, rċieva pakkett bi droga kokaina fid-Dar Ċentrali.
Fi stqarrija qal li dan l-envelope rċevih il-Ġimgħa li għadda filgħaxija u li jidher li l-envelope kien wasal id-Dar Ċentrali mill-Ġermajna.
“Dan l-envelope, li kellu ismi u l-indirizz tad-Dar Ċentrali kien stampat b’tipi kbar fuq karta żgħira li kienet inkullata mal-envelope abjad,” qal Azzopardi fl-istqarrija.
Jirriżulta li meta fetħu kien fih sachet ta’ kulur tal-fidda li kien inkullat ma’ karta A4 bajda li ma kellha ebda kitba fuqha.
F’dan is-sachet kien hemm sachet ieħor iżgħar tal-istess kulur u kwalità. Taħtu imbagħad kien hemm trab abjad.
Azzopardi qal li mal-ewwel informa lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u qal li anke jekk dawn kienu ċirkostanzi li ma kienu qed jagħmlu ebda sens u loġika, ried jagħmel rapport lill-Pulizija.
Eventwalment kien ikkonfermat mill-istħarriġ tal-pulizija li s-sustanza, li kienet imgeżwra sew, kienet kokaina. B’hekk Azzopardi ħareġ l-istqarrija pubblika.
Dwar il-każ issa hemm investigazzjoni tal-pulizija u inkjesta maġisterjali.
Skont Jason Azzopardi dan kien attentat ta’ frame up fuqu u qal li ħadd mhu se jagħlaqlu ħalqu.