BIL-FILMAT: Jasal f’Malta l-akbar katamaran San Ġwanni Pawlu II – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Jasal f’Malta l-akbar katamaran San Ġwanni Pawlu II

Bid-daqq tal-ħorn jidwi mas-swar li jdawwru l-Port il-Kbir, it-Tlieta filgħodu daħal il-katamaran il-ġdid tal-kumpanija Virtu Ferries wara vjaġġ ta’ 20 jum mill-port ta’ Hobar f’Tasmania.

Kienu għall-ħabta tad-9.00am li l-katamaran deher fuq ix-xefaq dieħel irmonkat u b’pass ta’ nemla fil-Port il-Kbir.

Għexieren ta’ persuni dehru ħerqana jistennew il-wasla tal-katamaran il-ġdid li ssemma għal San Ġwanni Pawlu t-Tieni li fl-1990 wkoll kien ingħata merħba sabiħa fuq wieħed mill-11-il katamaran li għandha l-kumpanija.

Il-vapur ingħata lill-kumpanija aktar kmieni dan ix-xahar wara li kien ilu jinbena għal bosta xhur fit-tarzna tal-kumpanija Incat fit-Tasmanja.

Iċ-Chairman tat-tarzna Richard Clifford, iddeskriva l-aħħar katamaran bħala ‘rivoluzzjonarju’ li nbena bl-aħħar teknoloġija u linji gwida tas-settur marittimu, u b’mod li jiflaħ għal klima Mediterranja.

Il-kumpanija qalet li l-katamaran il-ġdid se jidħol fl-iskeda tal-kumpanija għall-vjaġġi bejn Malta u Sqallija minn Marzu li ġej.

Qalet li dan huwa l-aktar wieħed veloċi fil-Mediterran u t-tieni l-akbar fid-dinja b’kapaċità li jġorr aktar minn 1,000 passiġġier u kważi 170 vettura.

Il-katamaran il-ġdid se jbaħħar bil-bandiera marittima Maltija u għandu kapaċità li jbaħħar b’aktar minn 70 kilometru s-siegħa.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend