Dan huwa ż-żmien li nagħtu imbuttatura lil setturi industrijali li jgħaqqdu flimkien it-tkabbir ekonomiku u l-promozzjoni ambjentali, partikolarment it-tibdil fil-klima.
Sostniet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli waqt żjara fil-faċilitajiet tal-kumpanija Jmartans Automation li tispeċjalizza fuq sistemi li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika f’kumpaniji, bini u residenza.
Hija fissret kif spiċċa ż-żmien li nitkellmu dwar l-ekonomija u l-ambjent daqs li kieku huma żewġ oqsma maqtugħa minn xulxin hekk kif dan huwa żmien ta’ mudell industrijali innovattiv li jħares lejn tkabbir ekonomiku li hu wkoll ambjentalment sostenibbli.
Dr Dalli appellat għal investiment akbar u inċentivi aktar b’saħħithom għal industriji li jindirizzaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Fakkret kif il-mira fuq livell Ewropew hija li sal-2030 ikun hemm titjieb fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija ta’ 32.5% u fl-istess waqt sal-2030 tniġġis minn karozzi ġodda jrid jonqos b’37.5%.
Qalet li s-sistemi li jistgħu jassiguraw effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma vasti u jinkludu fost l-oħrajn sistemi li jikkontrollaw temperaturi fil-binjiet u sistemi li jikkontrollaw il-ħin li fih jintefa’ d-dawl.