Tlett xhur biss ‘il bogħod mill-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, numru konsiderevoli ta’ kunsilliera Nazzjonalisti preżenti, mhux se jerġgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat bosta kunsillieri Nazzjonalisti kitbu fuq Facebook, li mhux se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-kunsilli.
Bis-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li fis-sitwazzjoni ta’ firda u inkwiet li jinsab fiha l-partit, kunsilliera m’għandhomx motivazzjoni biex jikkontestaw għal darb’oħra l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Ikkonferma dan, il-kunsillier tal-Imsida Alan Abela Wedge, li fuq facebook kiteb li mhux se jerġa jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. B’botta għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit, Abela Wedge kiteb li huwa dejjem tgħallem li għandna npoġġu madwar mejda u nfittxu dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna. Minkejja li se jwarrab mill-politika, offra li jgħin sabiex jipprova jgħaqqad. Fl-sitess waqt qal li mhux pupazz ta’ ħadd.
Il-Kunsillier ta’ Ħal Kirkop Stephen Mizzi ukoll mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali wara 20 sena ta’ jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet. Mhux se jerġa’ jikkontesta lanqas il-kunsillier ta’ Ħaz Żebbug, Roderick Aquilina.
Is-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiffaċċja wkoll problema fil-kunsill lokali tas-Swieqi.
S’issa jidher li se jkun is-Sindku Nazzjonalista Noel Muscat biss li se jerġa’ jikkontesta. Apparti dawk li mhux se jerġgħu jikkontestaw, hemm kunsilliera oħrajn li rriżenjaw mill-kunsill meta Delia laħaq Kap Nazzjonalista.
Bħal David Thake, Robert Piscopo u Joseph Vella li kienu kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar.
Charlot Cassar kunsillier f’Marsaskala wkoll irrezenja minn kunsillier tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn tal-aħħar huma esponenti qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, u mhux se jikkontestaw l-elezzjoni tal-kunsilli lokali f’isem il-Partit Nazzjonalistia, għax ma jixtiequx jassoċjaw ruħhom mat-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Ma’ dawn jingħaqad ukoll il-kunsillier tal-Gzira Wayne Hewitt, persuna mill-fazzjoni ta’ Busuttil, li minkejja li baqa’ fil-kunsill taħt it-tmexxija ta’ Delia, ukoll mhux se jerġa’ jikkontesta.
Is-sorsi tagħna qalulna li minn Settembru tal-2017, meta ħa t-tmexxija tal-Partit Adrian Delia, ftit li xejn ta’ kas il-kunsilli lokali. Filwaqt li njora li dawk li rriżenjaw mill-kunsill f’isem il-Partit.
Dan anki kien ikkonfermah Raymond Caruana li rriżenja minn kunsillier Nazzjonalista taż-Żejtun u ħadd mill-amministrazzjoni Nazzjonalista ma kellmu.
Sa din il-ġimgħa stess irriżenja s-Sindku Nazzjonalista taż-Żebbuġ, Nicky Saliba.
Is-sorsi tagħna żiedu li l-problemi li qiegħed jiffaċċja l-Partit Nazzjonalista fejn jidħlu l-kunsilli lokali, huma xhieda li Adrian Delia għadu ma kisibx il-kontroll tal-Partit Nazzjonalista f’idejh.