Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku rrappurtati fl-aħħar tliet xhur tal-2018 laħqu 3,512 –1.8% iżjed mill-istess tliet xhur tas-sena qabel. Il-jum tat-Tlieta kien l-aktar jum li matulu seħħu inċidenti.
Matul dawn it-tliet xhur żewġ sewwieqa ta’ mutur tilfu ħajjithom f’inċidenti fatali tat-traffiku biex matul is-sena li għaddiet it-toroq Maltin ħasdu l-ħajja ta’ 18-il persuna. Dan ifisser persuna anqas meta mqabbel mal-2017.
Matul sena sħiħa, ġew irrappurtati kważi 14,400 inċident tat-traffiku (14,378), tnaqqis ta’ aktar minn 4% fuq l-2017. Kważi 740 inċident ġraw f’Għawdex.
B’kollox ħareġ li s-sena l-oħra kien hemm medja ta’ 39 inċident irrappurtat kuljum.
Miċ-ċifri għas-sena l-oħra joħroġ ukoll li fl-inċidenti tat-traffiku weġġgħu total ta 1,675 persuna, tnaqqis ta’ kważi 200 persuna midruba.
Fl-aħħar tliet xhur tas-sena, l-inċidenti li seħħew il-Ħamis kienu aktar serji tant li ħallew l-akbar għadd ta’ persuna midruba b’aktar minn 570 każ. Il-biċċa l-kbira tal-persuni li ndarbu gravi kienu rġiel.
L-akbar għadd ta’ inċidenti jseħħu bejn id-9.00am u 12.00 pm. F’dan il-ħin seħħew b’kollox 775 inċident.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li Birkirkara kellha l-akbar numru ta’ inċidenti, 354 b’kollox, segwita mill-Marsa u Ħal Qormi. F’San Lawrenz Għawdex kien hemm żewġ inċidenti, l-inqas ammont ta’ inċidenti s-sena li għaddiet. L-akbar għadd ta’ inċident f’Għawdex seħħew fir-Rabat, 253.