Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima jixtieq juri l-apprezzament tiegħu lejn il-voluntiera li kienu ta’ assistenza għal numru ta’ sejħiet għall-għajnuna li saru lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korp tal-Pulizija waqt il-ħidma tagħhom sabiex jiżguraw li jiġi eliminat kull tip ta’ periklu b’konsegwenza tal-maltemp li ħakem lill-gżejjer Maltin.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-importanza li għandu l-volontarjat f’każijiet bħal dawn, fejn tkun meħtieġa l-assistenza ta’ ħafna voluntiera sabiex ikunu jistgħu jassistu lill-entitajiet governattivi.
Iktar kmieni din il-ġimgħa s-Segretarju Parlamentari ħabbar li għaddejja kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Volontarjat permezz tal-Voluntary Organisation Projects Scheme (VOPS) sabiex l-għaqda volontarja Malta Red Cross tkun preparata f’każijiet ta’ emerġenza nazzjonali.