Is-servizzi finanzjarji jkomplu jikbru – One News

Notifiki

Is-servizzi finanzjarji jkomplu jikbru

L-effiċjenza, ir-regolarizzazzjoni, u l-kompetittività tas-settur tas-servizzi finanzjarji lokali se jkunu t-tliet binarji ewlenin li se jfasslu t-triq ‘il quddiem għal dan is-settur matul is-sena.

Dawn kienu t-temi ewlenin tal-konferenza annwali tal-Istitut għall-persuni li jaħdmu fis-Servizzi Finanzjarji, l-IFSP, li laqqa’ taħt saqaf wieħed bosta entitajiet tas-settur biex jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet tal-qasam.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li s-servizzi finanzjarji huma mutur ewlieni għall-ekonomija Maltija, tant, li sal-2017 kien qed jara tkabbir ta’ madwar 4% f’sena.

Tkabbir li baqa’ kostanti anke tul l-2018. Spjega wkoll li anke l-Unjoni Ewropea rat li tiffoka fuq is-sostenn tas-Suq Kapitali, u kif il-politika tagħha għal kontra l-ħasil tal-flus tista’ tissaħħaħ. F’dan kollu, Malta tat sehemha billi kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li fasslet qafas regolatorju dwar il-blockchain u l-cryptocurrencies, fost oħrajn.

Wayne Pisani, id-Direttur tal-istitut, qal li l-entitajiet li jispeċċjalizzaw fl-industrija kollha qed jirrapportaw tkabbir, u l-pass li jmiss huwa li t-teknoloġija tingħata rwol akbar f’dan il-qasam. 

Wayne Pisani, Direttur tal-IFSP qal: “Fejn qed narawna sejrin, li t-teknolġija tiġi applikata f’aktar swieq finanzjarji, u nkompli nkabbru swieq bħal funds, insurance, u banking biex namalgamaw servizzi tradizzjonali ma’ dawk teknoloġiċi”.

Is-Sur Pisani fakkar li l-akbar sfida għas-settur hija r-riżors uman. Sfida li tista’ tingħeleb billi fost oħrajn, istituzzjonijiet edukattivi jagħtu aktar kas tal-bżonnijiet tas-settur. 

Huwa kompla billi qal: “Barra minn hekk, irridu naraw li l-workforce li qed joħorġu mill-istituzzjonijiet edukattivi jkunu preparati għad-dinja tax-xogħol. Qed naraw preparazzjoni mill-aspett akkademiku iżda l-aspett prattiku jispiċċa jiġi mħarreġ fuq il-post tax-xogħol, u jkun ideali li jsir it-taħriġ bħala parti mit-tranzizzjoni mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, Joseph Cuschieri, spjega li fost in-niċeċ f’din l-industrija li qed tiżdied id-domanda għaliha hemm il-qasam tal-assigurazzjoni, speċjalment dan l-aħħar minħabba l-kwistjoni ta’ Brexit. 

Joseph Cuschieri, il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA qal: “Qed naraw ukoll żieda fl-interess minn start-ups li huma bbażati fuq il-Fintech. Għandna applikazzjonijiet ġodda għall-banek. Nista’ ngħid li s-settur din is-sena mistenni jikber bl-istess mod li kiber is-sena l-oħra. Se jkompli jikber b’mod kostanti”.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend