Għall-ewwel darba, mexxejja Ewropej iltaqgħu ma mexxejja Għarab, bil-għan li jsaħħu r-relazzjonijiet bejn pajjiżi Ewropej u dawk Għarab.
F’Sharm El-Sheikh fl-Eġittu, is-summit tlaqqa’ fuq inizjattiva tal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u tal-President tal-Eġittu Abdel Fattah al-Sisi – b’dan tal-aħħar huwa wkoll Chairman tal-Unjoni Afrikana. Matul dan is-summit il-mexxejja qablu li hemm potenzjal kbir biex isaħħu l-istabbilità u l-prosperità taż-żewġ reġjuni.
Il-Prim Ministru Jospeh Muscat attenda għal dan is-summit li ddiskuta bosta temi foshtom il-multilateraliżmu, l-investiment, il-jeddijiet tal-bniedem, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni.
Is-summit serva wkoll ta’ opportunità biex il-mexxejja jiddiskutu s-sigurtà reġjonali u l-istabbiltà, inkluż l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni fil-Libja bil-mexxejja jaqblu li Libjani kollha għandhom man-Nazzjonijiet Magħquda u jimplimentaw il-qbil politiku li ntlaħaq 5 snin ilu.
Waqt li kien qed jindirizza l-ewwel sessjoni plenarja, il-Prim Ministru qal d-djalogu bejn il-Maltin u l-Għarab dejjem kien ta’ priorità għal pajjiżna biex jassigura reġjun stabbli fil-Mediterran.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Ir-relevanza għalina bħala Malta huwa l-fatt li nospitaw l-uffiċċju li tgħaqqad ir-relazzjonijiet bejn l-EU u lega Għarbija. Uffiċċju li ilu Malta għal bosta snin u juri l-vokazzjoni ta’ Malta li tkun pont bejn l-Ewropa u dinja Għarbija”.
Il-Prim Ministru tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi Għarab, u tkellem dwar l-importanza li ż-żgħażagħ fiż-żewġ reġjuni jitħarrġu hekk kif huma ċ-ċavetta għall-ġejjieni.
Saħaq dwar l-importanza ta’ teknoloġiji ġodda biex jissolvew l-isfidi dinjin li qed jaffaċċjaw pajjiżi Għarab u Ewropej, u l-importanza tas-sehem tan-nisa u taż-żgħażagħ f’dan il-proċess.
Filwaqt li qal li jemmen li t-teknoloġiji tal-futur se jwasslu għal soluzzjonijiet li jiffaċilitaw bosta sistemi, huwa għalhekk li Malta qed taħdem fuq l-intelliġenza artifiċjali u qed toffri bosta opportunitajiet fis-settur.
Huwa kompla billi qal: “Din hija għaliex Malta qiegħda taghti daqshekk importanza. Il-blockachain, innovazzjoni. Nemmnu li permezz t’hekk ir-relevanza ta’ Malta u l-pont mad-dinja Għarbija terġa’ tiġġedded u titkattar”.
Dr Muscat temm l-indirizz tiegħu billi saħaq fuq il-bżonn li summit ta’ dan it-tip isir avveniment regolari biex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ reġjuni, in-nies u d-dinja.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru fl-Eġittu hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela.