Waqt id-diskussjoni pubblika “Brexit & Us” il-Membru tal-Parlament Ewropew,Marlene Mizzi, ippreżentat stampa ċara tal-impatt li li jista’ jkollu xenarju bi Brexit iebes u “bla ftehim” (“no deal”) fuq Malta u fuq il-bqija tal-Unjoni Ewropea.
L-avveniment, organizzat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta laqa’ lill-MEP Maltija Marlene Mizzi, l-E.T. Stuart Gill – il-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta u rappreżentanti tal-Gvern biex f’diskussjoni ta’ livell għoli dwar ix-xenarji differenti tal-Brexit.
“Sfortunatament, meta jonqos kważi xahar sakemm ir-Renju Unit suppost se joħroġ mill-blokk fid-29 ta’ Marzu, qed jiżdiedu t-tħassib u r-riskji ta’ ħruġ ‘bla ftehim’ diżordinat,” qalet l-MPE Mizzi. “Kif jinsabu l-affarijiet bħalissa, wisq nibża’, li r-Renju Unit jinsab għaddej f’direzzjoni perikoluża meta jinsab ħiereġ mill-UE mingħajr lanqas biss għandu l-iċken ftehim. Jekk dan ikun il-każ, l-impatt negattiv u r-riskji li jista’ jkollu fuq l-UE u r-Renju Unit huma tassew possibbli,” qalet l-MPE Mizzi.
Waqt id-diskussjoni, Marlene Mizzi kellha l-opportunità twieġeb mistoqsijiet li saru mill-moderatur u mill-pubbliku dwar dak li jolqot direttament lil Malta u dwar l-effetti li din il-konfużjoni tista’ tħalli fuq Malta bħala pajjiż, fuq in-negozji li jaħdmu mar-Renju Unit, u fuq persuni li jivvjaġġaw, jaħdmu jew jistudjaw fir-Renju Unit.
L-MPE Mizzi kkonfermat li ttieħdu diversi miżuri preżentament li jissalvagwardjaw lill-Brittaniċi li jgħixu u jaħdmu f’Malta u għal għadd kbir ta’ Maltin li jaħdmu fir-Renju Unit. “Ninsab ċerta li Malta se żżomm relazzjoni tajba mar-Renju Unit u l-bosta ftehim li jeżisti bejn Malta u r-Renju Unit jibqa’ jgħodd.”
Hija qalet li Malta se tħoss in-nuqqas tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea speċjalment fuq kwistjonijiet ta’ taxxa u finanzjarji. “Mingħajr ir-Renju Unit fuq in-naħa tagħna fuq kwistjonijiet tant importanti, se nkunu qegħdin nitilfu influwenza u poter,” qalet Marlene Mizzi.
Aktar minn hekk, Mizzi tkellmet dwar ir-rapport leġiżlattiv tagħha, li kien l-ewwel rapport leġiżlattiv marbut mal-Brexit li ġie approvat mill-Parlament, bħala parti mill-miżuri ta’ kontinġenza proposti mill-Kummissjoni.
“Ir-rapport tiegħi indirizza l-problemi li jistgħu jiffaċċjaw il-manifatturi tal-karozzi wara li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. L-iskop tiegħu huwa li jinħalaq mekkaniżmu li jnaqqas l-impatt li jista’ jħalli t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-industrija importanti tal-karozzi, u jagħti element ta’ kontinwità fin-negozju tal-karozzi, il-komponenti u l-vetturi b’mod inġenerali. Din il-leġiżlazzjoni hija importanti wkoll biex nassiguraw li l-konsumaturi jkunu protetti u biex inżommu l-istandards tas-sigurtà,” qalet l-MPE Mizzi.