Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-musical ‘Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat’.
Il-Ministru Caruana qalet li dan il-musical, bi kliem ta’ Tim Rice u b’mużika ta’ Andrew Lloyd Webber, żgur li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni.
Il-Ministru Caruana spjegat li attività ta’ din id-dimensjoni tifforma parti integrali mal-istrateġija li l-Ministeru għal Għawdex adotta biex Għawdex ikun trasformat f’destinazzjoni distinta matul is-sena kollha filwaqt li toffri xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd.
Il-Ministru rrimarkat li l-avvenimenti li qed jorganizza u jikkordina l-Ministeru għal Għawdex qed jilħqu l-għanijiet tagħhom b’influss qawwi ta’ Maltin u ta’ viżitaturi lejn il-gżira Għawdxija kull tmiem il-ġimgħa.
Dan l-influss ta’ turiżmu qed iħalli impatt pożittiv ħafna fuq l-ekonomija Għawdxija u Għawdex sar mutur ekonomiku u li qed iwassal għal tkabbir li minnu qed igawdi kulħadd.
Il-Ministru Caruana qalet li dan il-musical se jibbenefika wkoll mill-iskema Reaching the Stars, skema li qed tagħti opportunità biex aktar tfal, żgħażagħ u adoloxxenti jattendu spettakli u jkollhom esperjenza ta’ x’jiġri wara l-kwinti biex attività bħal din tirnexxi.
‘Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat’ hu musical li jitratta l-istorja bibblika ta’ Ġużeppi u l-hekk imsejjaħ coat of many colours.
Il-musical, li hu l-aktar wieħed li ilu jsir fl-Ingilterra, fih kanzunetti u biċċiet mużikali eċċellenti bħal Those Canaan Days, Any Dream Will Do u Close Every Door To Me.
‘Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat’ se jsir il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu fit-8.00pm, is-Sibt 30 ta’ Marzu 2019 fit-8.00pm u l-Ħadd 31 ta’ Marzu 2019 fl-4.00pm.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.visitgozo.com.