Wara li f’dawn l-aħħar jiem qamet diskussjoni dwar ħaddiema Torok li possibilment nġiebu jew se jinġiebu biex jaħdmu fuq proġetti ta’ kostruzzjoni f’pajjiżna, il-General Workers’ Union temmen li kull ħaddiem li jinsab f’pajjiżna għandu jibbenefika mid-drittijiet kollha li jgawdu l-kumplament tal-ħaddiema, irrispettivament jekk humiex mill-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi terzi.
Il-GWU dejjem ħarset lejn il-ħaddiem b’mod ħolistiku u allura temmen li x-xogħol għandu jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.
L-ebda ħaddiem m’għandu jkun mċaħħad minn dawn id-drittijiet bażiċi.
Il-GWU minn dejjem insistiet li l-ħaddiem għandu jkun ittrattat ta’ bniedem sħiħ u ma jkollux id-dinjità tiegħu mkassbra.
Il-Union fejn hija rappreżentata qatt ma għamlet distinzjoni bejn ħaddiem u ieħor.
Dejjem ħadmet biex il-ħaddiema f’pajjiżna jkollhom titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jippermettulhom jgħixu ħajja diċenti u jkunu f’pożizzjoni li jagħtu kwalità ta’ ħajja lill-familji tagħhom.
Il-progress ta’ pajjiżna m’għandu qatt iwassal biex jinħoloq prekarjat ġdid.
Għaldaqstant, filwaqt li tagħraf li f’pajjiżna jeżisti nuqqas kbir ta’ ħaddiema tal-kostruzzjoni, tħeġġeġ lil dawk kollha involuti biex b’serjetà jingħaqdu magħha u naħdmu flimkien biex naraw li l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jitjiebu, u fuq kollox biex l-operaturi jagħrfu li l-ħaddiema għandhom dritt jorganizzaw ruħhom ħalli jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ xogħol xierqa.
Fl-istess waqt il-GWU tappella lill-awtoritajiet responsabbli Maltin, biex meta jkunu qed japprovaw il-wasla ta’ ħaddiem barranin, ikollhom l-garanziji kollha li dawn se jkunu qed igawdu mill-protezzjoni tal-liġijiet Maltin fil-qasam tax-xogħol, ikollhom akkomodazzjonijiet dinjitużi u li l-pagi li jingħataw jippermettulhom jgħixu b’mod dinjituż f’pajjiżna.
Fi kwalunkwe każ il-GWU ma tridx tara l-ħolqien ta’ kampijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema barranin ikunu iżolati mill-kumplament tas-soċjetà Maltija.
Bħala GWU ninsabu lesti biex nagħtu dik l-għajnuna meħtieġa biex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jħarsu l-interessi tagħhom.