Il-Bank of Valletta ħabbar li s-servizz mill-fergħat tal-bank ta’ ħlasijiet lil terzi pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, liema servizz kien għadu sospiż wara is-cyberattack tal-ġimgħa li għaddiet issa qed jerġa jiġi lura għan-normal.
Fi stqarrija, il-bank qal li jittama li dan il-proċess ikun konkluż sat-Tnejn li ġej u li fl-istess waqt jerġa jattiva wkoll dan is-servizz permezz tal-Internet Banking.
Il-bank qal ukoll li s-servizzi ta’ ħlasijiet fiż-żona Ewro kienu attivati l-ġimgħa l-oħra u qed jaħdmu b’mod normali.
Matul l-aħħar jiem l-impjegati tal-bank kienu mpenjati li jreġġgħu s-servizzi lura għan-normal kif ukoll li jinqata’ x-xogħol li waqa’ b’lura minħabba l-attakk. Il-bank qal li kważi l-operat kollu tal-bank issa reġa lura għan-normal.
Il-ħlasijiet ta’ pagi, pensjonijiet kif ukoll benefiċċji soċjali kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment qed isiru b’mod normali. Il-ħlas permezz tal-Internet banking qed jopera wkoll b’mod normali.
Dwar dan l-attakk qed issir inkjesta maġisterjali.