Il-Kunsill tal-Ewropa ħareġ twissija serja lill-gvern Olandiż. Qal li l-Olanda għandha tieħu miżuri biex tippriserva l-integrità tal-Gvern u tal-pulizija.
Bħalissa fil-Gvern Olandiż hemm il-partiti taż-żewġ politiċi li riċentament ġew Malta jikkritikaw lil pajjiżna. Kritika li għamluha wkoll fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Id-deputat Olandiż Pieter Omtzigt, li għamel rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Malta, u l-Membru tal-Parlament Ewropew Sophia in ‘t Veld, li għamlet rapport tal-Parlament Ewropew dwar pajjiżna, jiġu minn partiti li qegħdin fil-Gvern fl-Olanda. Anke jekk huma parti minn partiti differenti.
Fl-istess ħin li dawn in-nies qed jikkritikaw lill-pajjiżna, il-pulizija Olandiża qed tkun imċanfra bil-kbir f’dan ir-rapport tal-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni, magħruf bħala l-Greco.
Saħansitra jissemmew rabtiet ma’ gruppi ta’ kriminali magħrufa. Iżda, mhix din biss l-uniku kwistjoni ta’ tħassib.
Hemm sittax-il rakkomandazzjoni dwar l-Olanda fosthom uħud marbuta mal-kontabbiltà tal-politiċi f’dan il-pajjiż. Fil-lista każi ta’ kunflitt ta’ interess u nuqqas ta’ trasparenza fost oħrajn.
Meta dawn id-deputati Olandiżi tkellmu dwar Malta mkien ma rreferew għal dak li qed jiġri f’pajjiżhom.
Differenza mill-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Malti li filwaqt li jaqbżu għal pajjiżi oħra ma jitilfux okkażjoni jċanfru lil Malta anke barra l-pajjiż.