Żewġt irġiel Maltin qed jinżammu arrestati wara rejd kbir tad-droga u l-isplussiv mill-Pulizija, f’Ħal Qormi. ONE News hu infurmat li waqt din it-tfittxija nstabet ammont sostanzjali ta’ droga suspettata eroina, li hu mifhum li kienet maħsuba għal skopijiet ta’ traffikar.
ONE News jista’ jiżvela li wieħed mill-irġiel arrestati huwa Lorenzo Callus magħruf bħala l-Ħeswes. Callus huwa s-suspettat ewlieni fil-każ ta’ karozza bomba f’Jannar tas-sena l-oħra fil-Fgura. Fil-fatt flimkien ma’ żewġ akkużati oħra, huwa jinsab bil-ħelsien mill-arrest, hekk kif kif jinsab għaddej proċeduri kriminali fil-Qorti mixli bl-attentat ta’ qtil Scicluna.
Ir-rejd tal-Ġimgħa filgħodu sar mill-Iskwadra ta’ kontra droga u l-Iskwadra tal-Omiċidji bis-sehem tal-‘Ispecial Intervention Unit’, li kienu armati sa’ snienhom. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet komplew jiżvelaw li l-Pulizija kienet qed tissuspetta li Callus allegatament seta’ kien qed jaħdem fuq bomba oħra.
Fil-mira tal-Pulizija kienet dar li tinsab fi Triq Armel kantuniera ma’ Triq il-Belt Valletta f’Ħal Qormi. ONE News jinsab infurmat li t-tfittxija għall-isplussiv irriżultat fin-negattiv.
Hu mifhum li l-Pulizija għamlu tfittxijiet fir-residenza, tant li uffiċjali tal-Ispecial Intervention Unit kienu qed jgħassu l-madwar minn fuq il-bejt ta’ din l-istess r-residenza.
Il-Pulizija fuq il-post dehret tintensifika t-tfittxijiet tagħha f’garaxx li jinsab taħt id-dar. Filfatt diversi uffiċjali tal-Pulizija dehru deħlin u ħerġin f’dan il-garaxx. F’ħinijiet minnhom l-uffiċjali kienu akkumpanjati mill-persuni arrestati li nżammu fuq il-post.
Minkejja li dan ir-rejd beda fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, kien tard waranofs in-nhar li bdew jaslu fuq il-post il-membri tat-taqsima tal-Isplussivi fi ħdan l-Armata. Magħhom waslu wkoll is-sezzjoni tal-klieb fi ħdan il-korp tal-Pulizija.
Evidenti mad-dawra ta’ din ir-residenza kien hemm imwaħħla diversi kameras tas-sigurta’ f’tali pożizzjoni li jagħtu għal ġot-triq.
Sorsi qalu li kameras ta’ dan it-tip imwaħħla f’dawn il-pożizzjonijiet qed ikunu komuni fuq propjetajiet li minnhom titmexxa d-droga. Dan sabiex l-kriminali jkunu jistgħu josservaw b’mod komdu dak li jkun qed jiġri barra. Imkejjen qrib l-operazzjoni tal-Pulizija qalu kif apparti r-residenza f’Ħal Qormi, saru tfittxijiet intensivi fil-propjetà ta’ Callus u fl-istalel tar-raġel l-ieħor li wkoll jinsabu f’Ħal Qormi. Il-Pulizija mhux qed teskludi li fis-sigħat li ġejjin tressaq xi persuni l-qorti.