Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti l-FKNK qiegħda terġa’ tintroduċi l-Barbaġann f’Malta permezz ta’ proġett li jippromwovi l-konservazzjoni tal-għasafar salvaġġi.
Il-Barbaġann li huwa tip ta’ kokka, huwa tajra skarsa minn pajjiżna u l-aħħar darba li bejjet f’Malta kien 35 sena ilu.
Fir-razzett tal-Bagħal fil-Buskett, il-Federazzjoni bniet diversi guvi li fihom qed terġa’ tintroduċi l-Barbaġann f’Malta tant li llum hemm żewġ pari ta’ barbaġann, li kif jixhed il-filmat li għaddej bħalissa, par minnhom faqqas il-frieħ ftit tal-jiem ilu.
Il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione fisser kif il-proġett bħala ħolma li qiegħda isir realtà tant li wieħed minnhom diġà qabad ġurdien kbir.
Joe Perici Calascione l-President tal-FKNK qal: “Fi ftit tal-ġranet ilu kellna l-ewwel frieħ. Dan għalina kien impetus kbir. Ir-raġel qabad ġurdien kbir u dik hija xi ħaġa fenomenali”.
Fir-razett hemm tlett guvi speċjalizzati. Waħda mill-guvi se tintuża biex fi ftit tal-ġimgħat oħra il-Barbaġann jitpoġġa fiha sabiex jitrawwmu qabel imorru fl-ambjent naturali Malti.
Huwa kompla billi qal: “Biex aħna issa meta niġu għat-tluq tal-flieles għanda niftħulhom mod li nħallulhom il-guva miftuħa, ikollhom anki l-ikel u jerġa jkollna fl-ambjent naturali tagħna, u jsibu l-ikel”.
Kull min hu interessat, se jkun jista’ jara l-barbaġanni fil-guvi permezz ta’ kameras diretti fuq is-sit elettroniku tal-federazzjoni.
L-FKNK setgħet tagħmel dan il-proġett wara li ngħataw fondi mis-Segretarjat Parlamentari għall-biedja, sajd u d-drittijiet tal-animali.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ta ħajr lill-federazzjoni tal-inizjattiva li ħadu u qal dan il-proġett se jerġa’ jistabbilixxi popolazzjoni ta’ Barbaġann f’ambjenti addattati f’Malta u f’Għawdex b’teknika speċjali li kienet prattikata b’suċċess fir-Renju Unit.
Qal li apparti l-FKNK, kienu erba’ għaqdiet oħra mhux governattivi li ngħtaw għajnuna finanzjarja għal proġetti li jippromwovu l-konservazzjoni tal-għasafar salvaġġi b’total ta’ aktar minn 106,000 ewro.