B’li għamel Jason Azzopardi l-Erbgħa waqt il-ħin tal-aġġornament fil-Parlament, wera differenza ċara bejn Gvern Laburista u dak Nazzjonalista quddiem l-irregolaritajiet.
Dan hekk kif id-deputat Nazzjonalista kixef li l-Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 kien qed jaħbi t-taħwid u investigazzjonijiet importanti li kienu qed isiru fid-Dipartiment tas-Sajd.
Qalu dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Clint Camilleri, u l-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Josef Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri staqsa kif Jason Azzopardi ħa propju 10 snin sħaħ sabiex għamel dan ir-rapport pubbliku kif ukoll dwar kif il-persuna kkonċernata ġiet sospiża mid-Dipartiment tas-Sajd u trasferita f’awtorità oħra li taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-istess Azzopardi.
Hawnhekk staqsa kif f’dak iż-żmien li sar it-trasferiment ta’ Andreina Fenech Farrugia, Jason Azzopardi ma kienx irraġuna kif qed jirraġuna llum.
Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari qal: “Dan għall-kuntrarju ta’ Gvern Laburista li mal-ewwel ħa l-azzjoni neċessarja kemm fejn tidħol leġislazzjoni biex nikkontrollaw aħjar dan is-settur kif ukoll meta sibna l-irregolaritajiet, ħadna azzjoni mal-ewwel kemm permezz ta’ ħarrabna l-ħut, it-tonn minn ġewwa l-gaġġeġ, dak li nstab extra u anke saru rapporti lill-pulizija li permezz tagħhom setgħet tinfetaħ investigazzjoni maġisterjali.”
Min-naħa tiegħu, il-kandidat Josef Caruana qal li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kixef skandlu kbir kemm għalih personali kif ukoll għall-aħħar Gvern Nazzjonalista, li hu kien jagħmel parti minnu.
Josef Caruana, Kandidat tal-PL għall-MEPS qal: “Ir–rapport kien jeżisti diġà imma minflok twaqqfet minn taħt il-Ministeru ta’ George Pullicino u tpoġġiet taħt Jason Azzopardi, Azzopardi abbraċha, ħaddanha fi ħdanu, ħadha taħt id-dekasteru tiegħu, kien kuntent biha allura fejn tpoġġi lilu llum il-ġurnata.”