Għall-kuntrarju ta’ dak allegat fil-midja Nazzjonalista, Mario Gafa rriżenja mill-kariga ta’ kap eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) minħabba raġunijiet personali.
Huwa kien ilu fit-tmexxija ta’ din il-Fondazzjoni għal dawn l-aħħar ħmistax-il xahar u matul it-tmexxija tiegħu, il-Fondazzjoni temmet il-bini ta’ skola ġdida f’Wied il-Għajn li ġiet inawgurata lbieraħ.
Huwa kkontribwixxa wkoll għall-proġetti importanti bħalma huma l-laboratorji ġodda f’għadd ta’ skejjel f’Malta u Għawdex, estensjonijiet ta’ skejjel, l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ skejjel ġodda bħal dik tal-Qawra, l-Imsida u r-Rabat Għawdex.
Fl-ittra tar-riżenju tiegħu fil-15 ta’ Frar li għadda, huwa qal li huwa tajjeb għall-Fondazzjoni u għall-Gvern li jagħti opportunità lil ħaddieħor biex imexxi din il-Fondazzjoni.
Il-Ministru Bartolo ta ħajr lis-Sur Gafa tal-impenn tiegħu lejn il-fondazzjoni u s-servizz li pprovda tul it-tmexxija tiegħu.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/02/PR190342a.pdf”]