Il-Gvern innomina lill-Avukat Dr Victoria Buttiġieġ, lill-Imħallef Abigail Lofaro u lill-Imħallef Lorraine Schembri Orland bħala t-tliet kandidati għal Malta għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Dan wara li t-terminu tal-Imħallef Vincent A. De Gaetano fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem se jiġi fi tmiemu lejn l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
L-għażla ta’ dawn t-tliet kandidati saret wara sejħa pubblika.
Min hawn jiskatta l-proċess minn entitajiet konċernati skont il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u skont numru ta’ Riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa biex fid-dawl ta’ rakkomandazzjonijiet li jiġu pprovduti mill-Kumitat għall-Ħatra tal-Imħallfin, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa taħtar l-Imħallef Malti għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-kandidat li jkun kiseb maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa mill-membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa jiġi ddikjarat elett bħala l-Imħallef Malti f’tali Qorti.
Ir-riżultati tal-elezzjoni jitħabbru b’mod pubbliku mill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Gvern temm l-istqarrija tiegħu billi rringrazzja lill-Imħallef Vincent De Gaetano għas-servizz u għax-xogħol siewi tiegħu fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fi Strasburgu.