Daħal il-ħabs illejla l-ex Gvernatur tar-Reġjun Lombardia u ex President taż-żgħażagħ Demokristjani Taljani Roberto Formigoni, hekk kif il-Qorti tal-Appell f’Milan kkonfermat piena ta’ ħames snin u 10 xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ korruzzjoni fl-għoti ta’ kuntratti miljunarji b’risq l-isptar San Raffaele f’Milan.
Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ aktar minn €7 miljun fi flus u proprjetà.
Formigoni, ta’ 71 Sena kien oriġinarjament kkundannat 7 snin habs, iżda fl-appell, is-sentenza tnaqqsitlu għal 5 snin u 10 xhur li jeħtieġ jiskontahom għax m’għadhiex fis-seħħ liġi li tikkonverti piena karċerarja f’servizz komunitarju jekk il-ħati jkollu aktar minn 70 sena.
Formigoni kien ħabib kbir tal-esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista u anke indirizza attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-2012, il-Fondazzjoni Maugeri u l-ex Senatur Taljan kienu fl-aħbarijiet wara li fl-investigazzjoni li kienet qed issir dwar ħasil ta’ flus f’Milan, issemmiet Malta.
Skont l-investigazzjonijiet f’Milan, il-Fondazzjoni Maugeri kienet qed tuża għadd ta’ kumpanija f’Malta għall-ħasil ta’ flus.
Waħda mill-kumpaniji involuti kienet l-SIB Limited u skont l-istess allegazzjoni kellha arranġamenti mal-Università ta’ Malta, il-Malta Enterprise u anke l-Isptar Mater Dei. Is-Segretarju tal-kumpaniji li allegatament kienet involuta f’dan il-każ kien l-Avukat David Gonzi, iben l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Meta ħareġ ismu fil-midja, Dr Gonzi qal li hu ma kienx id-direttur ta’ din il-kumpanija. Qal li kien tqabbad minn ditta ta’ avukati biex jipprovdi servizzi ta’ segretarju għal bosta kumpaniji fosthom is-SIB Limtied.
Huwa kien ċaħad li b’xi mod kien jaf b’xi aġir illeċitu.