Differenza ċara bejn dan il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista, b’dan il-Gvern dejjem ħa azzjoni immedjata quddiem l-irregolaritajiet.
Dan qaluh il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Josef Caruana u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet, jum wara li d-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi preżenta rapport li jmur lura 9 snin.
Rapport tal-Internal Audit and Investigations Department li ma kienx fil-file tal-persuna llum taħt investigazzjoni.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Josef Caruana fisser kif Jason Azzopardi huwa l-inqas persuna li għandu jitkaża għax kull darba jkollu suba ieħor jipponta lura lejh.
Dan kif spjega wkoll is-Segretarju Parlamentari, Clint Camilleri li staqsa għaliex Jason Azzopardi ħa dan iż-żmien kollu biex għamel dan ir-rapport pubbliku.
Staqsa wkoll kif f’dak iż-żmien li sar it-trasferiment ta’ Andreina Fenech Farrugia għall-MCCAA, Jason Azzopardi ma kienx irraġuna kif qed jirraġuna llum.
Għaldaqstant, intqal kif filwaqt li qabel l-2013, taħt il-PN kollox baqa’ miexi kif kien, anke jekk kienu ġa jafu bir-rapport, illum bil-PL fil-Gvern qegħdin dejjem jittieħdu passi meta jiġu mgħarrfa b’irregolaritajiet.