Minn tal-inqas erba’ persuni indarbu, wieħed minnhom serjament, f’valanga f’resort popolari fl-Alpi Żvizzeri.
Skont rapporti fil-midja tal-lokal, il-valanga – li seħħet ilbieraħ kmieni waranofsinhar – setgħet involviet sa tnax-il persuna.
Għaldaqstant tim ta’ mitejn u erbgħin persuna kienu mistennija jkomplu l-operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ tul dan il-lejl li għadda. Dan flimkien ma’ klieb tas-salvataġġ u ħelikopters.
Il-valanga ħakmet medda ta’ erba’ mitt metru – f’żona mmarkata għad-dilettanti tal-iskijar. Żona li għaldaqstant, kienet meqjusa sigura.