F’konferenza dwar il-ħtieġa ta’ riforma fit-Tribunal Industrijali organizzata mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern li jġedded dan l-organu importanti li twaqqaf snin ilu biex jirriżolvi tilwim industrijali barra mill-Qorti.
Il-Ministru fissret kif minkejja li l-iżviluppi sostanzjali fid-dinja tax-xogħol, il-prinċipju li t-tilwim industrijali jkun riżolt lil hinn mill-Qrati u deċiż minn persuni midħla tal-qasam jibqa’ wieħed ċentrali u boxla importanti fit-triq ’il quddiem. F’dan ir-rigward, hija saħqet li mhux aċċettabbli li każijiet idumu x-xhur, jekk mhux is-snin biex jiġu solvuti.
Kien hawnhekk fejn staqsiet lis-sħab soċjali jekk wasalx iż-żmien li nipprovdu soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim bħal proċeduri ta’ konċiljazzjoni jew arbitraġġi mmexxija minn professjonisti mħarrġa fis-settur.
Dan kollu għandu joffri l-bażi għal taħdidiet bejn il-partijiet kollha interessati biex permezz tad-djalogu soċjali b’saħħtu, naslu għal kunsens dwar il-pass li jmiss.
B’konsistenza ma’ dan l-impenn, Helena Dalli qalet li l-Ministeru se jkompli jisma’ u jirċievi l-proposti, waqt li ġie kkummissjonat studju dwar riforma f’dan il-qasam bil-għan ewlieni li nsaħħuh. Studju li jħares lil hinn minn xtutna biex nidentifikaw l-aqwa prattiċi li jistgħu jiġu modifikati f’soluzzjoni unika li tgħodd għall-kuntest Malti.
Il-Ministru Dalli ħeġġet lil dawk preżenti biex ikomplu jidjalogaw biex parepassu mal-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ id-dinja tax-xogħol, tiġi implimentata riforma komprensiva li tħares l-interessi ta’ kulħadd.