Għat-tielet sena konsekuttiva, pensjonanti li għalqu t-62 sena se jerġgħu jingħataw opportunità li jinvestu flushom f’bond tal-Gvern b’rata ta’ imgħax ta’ tlieta fil-mija fis-sena.
Dan ser ikun it-tielet ħruġ ta’ dan it-tip ta’ bond, li se jkollu massimu ta’ mitt miljun ewro.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li fl-aħħar sentejn 21,000 anzjan u anzjana tejbu d-dħul tagħhom wara li ssellef mingħandhom mat-tlett mitt miljun għal din l-iskema.
ll-bond magħruf bħala 62+ se joħroġ lejn nofs Marzu, u fih jistgħu jipparteċipaw dawk li għandhom ‘l fuq minn tnejn u sittin sena, jew twieldu qabel l-1957.
“Filfatt din se tiftaħ fit-13 u l-14 ta’ Marzu, għalkemm wieħed jista’ jmur anke ġimgħa qabel iġib il-karti mill-bank u l-brokers. Qed navżaw minn issa ħalli dak li jkun jaħseb u jekk ikun irrid jirtira xi flejjes ma jitlifx flus. Din hija popolari ħafna għax ir-rata tal-imgħax qiegħda baxxa minħabba l-andament ekonomiku ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew se jżomm l-istess rati ta’ imgħax, allura l-bank qed joffri dan il-bond li għandu imgħax ogħla,” saħaq il-Ministru għall-Finanzi.
Qal li bħall-iskemi li ħarġu fil-passat, il-bond jimmatura f’ħames snin u jitħallas darbtejn fis-sena.
Spjega li f’każ ta’ domanda qawwija, se tingħata preferenza lil dawk li m’applikawx fis-snin ta’ qabel. Kull investitur jista’ jinvesti massimu ta’ għaxart elef ewro b’minimu ta’ ħames mitt ewro kull persuna.
“Qed ngħidulu nifhmek ukoll biex int tkompli timxi. Il-Gvern qed jikkontribwixxi għal dan, għaliex jekk imorru fis-suq ikun hemm rati aħjar, iżda qed nagħmlu dan għal dawn l-anzjani,” tenna l-Ministru.
Il-Professur Scicluna qal kif permezz ta’ dan il-ħruġ, il-Gvern qed iwettaq wegħda oħra tal-Baġit għal din is-sena, immirata biex tkompli ttejjeb id-dħul tal-pensjonanti.