Il-Kummissarju tad-Dejta ma qabilx li l-gazzetta The Times tingħata aċċess għall-kontentut sħiħ tal-kuntratt dwar l-estensjoni ta’ San Vinċenz de Paul.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità tinnota li għall-kuntrarju ta’ dak rapportat f’The Times, id-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Dejta turi li s-Segretarjat kellu raġun li ma jagħtix aċċess sħiħ tal-kuntratt.
Fil-fatt il-Kummissarju tad-dejta ta struzzjonijiet lis-Segretarjat biex jagħti aċċess parzjali (mhux sħiħ) lill-istess ġurnal għall-kuntratt billi jgħatti partijiet sostanzjali minnu.
Dawn il-partijiet jinkludu data personali ta’ persuni privati u l-informazzjoni kollha li l-istess Kummissarju fi spezzjoni tal-istess kuntratt sħiħ, kien qabel li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew li hi kummerċjalment sensittiva.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li ma kellux diffikultà jaqbel mad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissarju għax tikkonferma r-raġunijiet li għalihom ma ngħatax aċċess għall-kuntratt sħiħ fl-ewwel istanza.
Is-Segretarjat qal li mhux se jappella mid-deċiżjoni u l-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Camilleri se jingħata aċċess parzjali wara li ma ngħatax raġun mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data meta talab aċċess sħiħ għal dan il-kuntratt.