ARA: Qarib tal-mejta kien ilu xhur jipprova jkellimha b'żewġha jgħidlu li tinsab tajba | One News

Notifiki

ARA: Qarib tal-mejta kien ilu xhur jipprova jkellimha b’żewġha jgħidlu li tinsab tajba

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija kompliet tinvestiga s-sejba ta’ katavru ta’ mara Ingliża ta’ 69 sena li kienet ilha mejta mill-14 ta’ Novembru li għadda, fid-dar li kienet tgħix ma’ żewġha, fi Triq San Luqa f’San Pawl il-Baħar.

ONE News hu nfurmat li qarib tagħha kien ilu għal dawn l-aħħar xhur jipprova jikkuntatja lil mara, iżda żewġha kien jgħidlu li hi tinsab tajba. Kien hawn li l-qarib tagħha li jgħix barra minn xtutna ssuspetta ħażin u nnotifika lill-awtoritajiet. Għalhekk il-Kummissjoni għolja Ingliża f’pajjiżna talbet l-għajnuna tal-Pulizija sabiex jfittxu lill-mara.

Sorsi qalu ma one.com.mt li meta l-Pulizija waslet fuq il-post it-Tnejn filgħaxija, ħadd ma fetaħ il-bieb, bl-uffiċjali jxommu riħa tinten mil-‘letterbox’ fil-bieb ta’barra. Kien hawn li talbu l-għajnuna tal-Protezzjoni Civili li daħlu fid-dar minn tieqa fil-ġenb tal-appartament. Fid-dar instabu għadd ta’ annimali u ħmieġ flimkien ma’ għadd ta’ fliexken mferrxa mal-art. Fuq in-naħa tax-xellug tat-taraġ sabu l-katavru tal-mara fi stat qawwi ta dekompozizzjoni, tant li skond sorsi saħansitra bdew jidhru l-għadam. Hija kienet imgeżwra f’kutra fuq sodda żgħira. Il-mara rriżulta li kienet marida, u mhux qed jiħi eskluz ukoll li ma maritx għal xi appuntamenti l-isptar f’Novembru li għadda.

L-istess sorsi qalu li minnufih bdiet tfittxija għar-raġel tagħha li jgħix fl-istess appartament. Huwa nstab mill-Pulizija go ħanut tax-xorb fil-viċinanzi, fejn lill-Pulizija qalilhom li l-mara kienet tinsab fl-appartament tajba. Il-Pulizija bil-fatti f’idejha arrestat lir-raġel, li hu Ingliż ukoll u ħaditu immedjatament fuq il-post sabiex jgħin fl-istħarriġ. Aktar tard l-esperti tal-qorti ordnaw li dan jittieħed l-Isptar Monte Carmeli.

Qed jingħad li r-raġel ma rrapurtax li martu kienet mietet għaliex ridha miegħu, u għalhekk żamm il-katavru tagħha fl-istess dar. Tard it-Tnejn filgħaxija ssejħu fuq il-post il-Pulizija mit-taqsima forensika flimkien ma’ għadd ta’ esperti tal-Qorti fosthom it-Tabib forensiku Mario Scerri. Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-pulizija qed jitmexxew mis-Supretendent Mario Haber, l-Ispettur Clayton Camilleri u s-Surġent Glen Carabott mill-Għassa tal-Qawra.

L-awtopsja fuq il-fdalijiet tal-mara mistennija ssir it-Tlieta filgħodu. L-eżitu tagħha mistennija jitfgħu dawl ġdid fuq l-investigazzjonijiet, li sa issa mhux qed juru li dan seta kien omicidju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend