Malta mħassba bin-nuqqas ta' progress fl-aspett politiku u umanitarju dwar il-kunflitt fis-Sirja | One News

Notifiki

Malta mħassba bin-nuqqas ta’ progress fl-aspett politiku u umanitarju dwar il-kunflitt fis-Sirja

Il-kunflitt fis-Sirja għadu sors ta’ preokkupazzjoni fuq l-għatba tal-Unjoni Ewropea, li dwaru ma nstabitx soluzzjoni umanitarja jew politika.

B’dan is-sentiment il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela wera t-tħassib tal-Gvern Malti dwar il-kunflitt fis-Sirja waqt it-Tielet Konferenza fi Brussell dwar is-suġġett. Hawnhekk, il-Ministru Abela ġiber l-attenzjoni lill-kollegi tiegħu li d-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż staġnat, waqt li l-qagħda umanitarja tal-pajjiż sejra għall-agħar.

Filwaqt li għal darb’oħra irrimarka li mhemmx soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt, saħaq li huwa fundamentali li l-komunità internazzjonali tappoġġja l-proċess immexxi min-Nazzjonijiet Magħquda u lill-Mibgħut Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-Sirja, Geir O. Pedersen.

Waqt il-laqgħa fi Brussell kienu diskussi wkoll l-elezzjonijiet fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Veneżwela, u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin skambjaw ukoll fehmiet dwar il-Qarn tal-Afrika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend