“Paul kien gentleman u bniedem soċjevoli għall-aħħar, hu kien jifraħ u jferraħ! Kos uwx għax anke l-ferħ jittieħed bħat-tgergir. Mhux biss ħadem għal ħaddieħor, imma xtaq li l-missjoni tiegħu tkun li joffri d-dinjità lil dawk il-persuni.”
Hekk iddeskriva lil Paul Anthony Formosa, il-Malti ta’ 52 sena minn Wied il-Għajn li nqatel fis-Somalja, Patri Marcellino Micallef waqt li kien qed jingħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn.
Formosa nqatel kiesaħ u biered fl-4 ta’ Frar fil-port ta’ Bosasso fl-istat ta’ Puntland hu u sejjer ix-xogħol. Huwa kien jaħdem bħala maniġer mal-kumpanija P&O Ports. Skont il-midja barranija, Formosa nqatel b’tiri f’rasu li ġew sparati minn żewġt irġiel li għamluha ta’ sajjieda. Il-grupp terroristiku Al-Shabaab ħa r-responsabbiltà ta’ dan id-delitt.
Fl-omelija tiegħu, il-Predikatur qal li apparti l-ħobżna għall-familja tiegħu, Paul kien jara li l-ħaddiema li kienu jaqgħu taħtu, u li wħud minnhom kienu foqra, ma kien jonqoshom xejn.
“Paul mhux biss kien joffrilhom l-ikel u x-xorb, imma kien joffri iktar minn hekk, u għalhekk nistgħu ngħidu li Paul ħadem f’nofs id-dinja; l-Indja, l-Iraq, l-Ukrajna, is-Sirja, l-Messiku, l-Iraq, l-Iran ħadem f’tant pajjiżi,” qal Patri Marcellino.
Il-katavru ta’ Formosa diġà kien ingħata l-aħħar tislima fis-Somalja. Kien il-Ħamis li l-katavru tiegħu wasal f’Malta. Fost l-għexieren ta’ persuni li attendew għall-funeral kien hemm mart Paul, iż-żewġ uliedu Sarah u Maria u l-ex kollegi tiegħu fil-Freeport.
Patri Marcellino ħeġġeġ lill-bint Formosa, Sarah, biex tmur tagħmel esperjenza fil-missjoni. Dan kif dejjem kienet ix-xewqa tagħha u tal-għarus tagħha Nicolai. Esperjenza simili għal dik li missierhom kellu f’uħud minn dawn il-pajjiżi.
Patri Marcellino, qal kif ftit tax-xhur ilu Paul u martu Marica kienu qed jiċċelebraw il-ħamsa u għoxrin sena miż-żwieġ tagħhom. Qal li minkejja l-mewt ta’ Paul, l-imħabba ta’ bejniethom tibqa’ ħajja.