Il-Gvern Maltia ċaħad allegazzjonijiet li saru f’rapport mill-Kumitat dwar l-oqsma diġitali, kulturali, midja u sport tal-House of Commons dwar aħbarijiet foloz u informazzjoni qarrieqa.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li jinsab iddiżappuntat li r-rapport straħ fuq dik li sejjaħ bħala informazzjoni kunfidenzjali li allegat li kien hemm rabta bejn il-Prim Ministru u l-kumpanija Strategic Communications Laboratories. Dan meta fil-fatt ma kien hemm l-ebda kuntatt ma’ din il-kumpanija.
Il-Gvern ċaħad kull allegazzjoni li kien hemm xi kuntatt bejn din il-kumpanija u l-Gvern, mal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni jew mal-Prim Ministru meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Gvern qal li dan ġie ddikjarat b’mod ċar f’rappreżentazzjonijiet li saru mill-Gvern Malti lill-Kumitat li għażel li jibbaża r-rapport tiegħu fuq sorsi.
Il-Gvern sostna li dan il-kumitat fl-ebda stadju ma ssostanzja dawn l-allegazzjonijiet b’xi evidenza u l-anqas ma ta l-opportunità lill-awtoritajiet Maltin biex iwieġbu għal dawn l-allegazzjonijiet. Qal li għall-kuntrarju, b’mod intenzjonat u qarrieq, injora r-rappreżentazzjonijiet li saru bil-miktub mill-awtoritajiet Maltin u għalhekk naqas milli jimxi mal-proċeduri normali li jistieden lil dawk involuti biex iwieġbu għall-allegazzjonijiet li saru.
Il-Gvern temm jgħid li x-xogħol importanti li kien qed jagħmel dan il-kumitat billi jinvestiga dan is-suġġett importanti, iddgħajjef b’mod qawwi meta ħalla lilu nnifsu jimbotta informazzjoni żbaljata fuq stat membru tal-Unjoni Ewropea minn sorsi anonimi.