It-trasformazzjoni li saret f’dan il-foss hija waħda mpressjonanti. Hekk sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-inawgurazzjoni tal-foss tal-Belt Valletta.
Huwa rrimarka li minn parkeġġ mitluq, b’nuqqas ta’ aċċessibilita’ u espost għall-elementi, il-foss issa sar spazju sabiħ aċċessibli minn żewġ naħat tal-Belt u anki permezz ta’ lifts.
B’investiment ta’ madwar €5 miljun, il-foss issa sar spazju miftuħ ieħor fejn il-familji jistgħu jqattgħu l-ħin flimkien. Tħawlu mat-42 siġra u 3,000 pjanta. Il-Prim Ministru sostna li dan huwa mod pro-attiv kif jiżdiedu s-siġar f’pajjiżna u fl-istess waqt jingħata post ieħor lill-familji.
Saħaq ukoll li l-ħin flimkien bħala familja huwa ħin prezzjuż u li m’għandux prezz speċjalment f’ħajja li għal ħafna saret iktar impjenattiva.
Il-foss se jkun ukoll attrazzjoni għat-turisti. Ir-riġenerazzjoni tal-iswar tal-madwar hija pass ieħor biex biex tiżdied il-kullana ta’ attrazzjonijiet li toffri l-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru elenka wkoll id-diversi proġetti li l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir għamlet matul l-aħħar snin, fosthom il-proġett ta’ Pjazza Tritoni, ir-riġenerazzjoni ta’ Sant’Iermu, it-tlestija tal-Proġett tal-entratura tal-Belt, il-Parlament il-Ġdid u t-Teatru Miftuħ, Pjazza Kastilja, Ta Liesse, u l-bidla mill-Parlament il-Qadim għal post li ntuża bħala sit ċentrali meta Malta ħadet għall-ewwel darba t-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Tkellem ukoll dwar l-aspett soċjali tar-riġenerazzjoni tal-Belt Valleta, bħad-diversi dwal u bdil ta’ gallariji f’postijiet ta’ akkomadazzjoni soċjali fil-Belt u bħalissa għaddej il-proġett ta riġenerazzjoni taż-żona ta’ Marsamxett b’investiment ta’ €20 miljun euro f’fondi Ewropej.
“Illum nistgħu ngħidu li l-Belt tivvibra bil-ħajja f’ħafna ħinijiet tal-ġurnata . X’differenza minn meta kont timxi fit-toroq tal-Belt filgħaxija u kienet tkun litteralment mejta. Illum il-Belt hija tal- familji Maltin u Għawdxin kollha li huma verament kburin bil-belt Kapitali,” sostna Dr. Muscat.
Sostna wkoll li l-varjazzjoni sħiħa ta’ attivitajiet, minn attrazzjonijiet storiċi, artistiċi u kulturali għal ristoranti, bars boutique hotels u shopping malls jew inkella ħin ta’ mistrieħ fl-ispazji pubbliċi u ġonna li jinsabu f’dawn l-inħawi huma rimarkabbli u tagħmel il-Belt Valletta kompetitiva mall-bliet kapitali oħrajn Ewropej.
Dr. Muscat tenna li r-riġenerazzjoni tal-Belt qed isservi biex tikxef il-potenzjal ta’ aktar postijiet u kif dawn jistgħu iservu biex ikomplu jattiraw aktar turisti lejn pajjiżna. Qal li jemmen li għadu ma ntlaħaqx il-potenzjali kollu tal-Belt.
Qal ukoll li pajjiżna kollu għadu ma laħaqx il-potenzjal kollu tiegħu.
Huwa temm jgħid li l-mod kif qed jinbidel pajjiżna biex ikun destinazzjoni turistika s-sena kollha mhuwiex biss ta’ gwadann ekonomiku, iżda anke gwadann immedjat hekk kif l-istess postijiet li jitgawdew mit-turisti jitgawdew mill-familji tagħna.
Għall-inawgurazzjoni kien preżenti wkoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li kien politikament responsabbli mill-proġett flimkien mal-Uffiċċju tal-GHRC mmexxija mill-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi u ċ-Chairman Dr Stefan Zrinzo Azzopardi.