Il-Protezzjoni Ċivili bil-għajnuna tal-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei, salvaw raġel li spiċċa mdendel kważi erba’ sulari mal-irdum ta’ Miġra Ferħa fl-Imtaħleb.
Il-każ seħħ għal ħabta tal-4.15pm meta persuna kienet qed titajjar bil-paraglider fl-inħawi, u għal xi raġuni din weħlet mal-ponta tal-irdum għoli fl-inħawi.
Konsegwenza ta’ hekk, huwa spiċċa mdendel fl-arja, bil-membri mit-taqsima tal-‘Urban Search and Rescue’ fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili, jirnexxielhom iniżżlu lir-raġel permezz tal-ħbula.
Ir-raġel deher jimxi wara li ġie salvat, u ma jidhirx li ġarab xi ġrieħi.
Miġra Ferħa tinsab ftit il-ġewwa mill-Imtaħleb fil-Limiti tar-Rabat, u ż-żona hi mfittxija ħafna mid-dilettanti ta’ dan l-isport, u l-familji.
Filmati: Kyle Mifsud