Fil-gazzetta KullĦadd, insibu artiklu kif fl-aħħar 5 snin akkademiċi l-Gvern ħallas madwar €3 miljun fi stipendji lil studenti li rrepetew sena.
Din il-bidla daħlet fl-2013 wara li kien elett gvern ġdid. Fil-fatt, din kienet proposta fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ta’ dik is-sena li ma kienx hemm qbil dwarha bejn iż-żewġ partiti.
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ kontra din il-miżura b’Simon Busuttil jiddikjara li ma jaqbilx magħha f ’dibattitu l-Università. Iżda, il-Partit Laburista kien insista li din tgħin studenti ma jintilfux mis-sistema tant li fl-aħħar 5 snin kienu medja ta’ 1,000 student fis-sena li gawdew minnha.
Biex iktar minn 5,000 student ħadu stipendju biex ikomplu jistudjaw li għall-Partit Nazzjonalista ma kellhomx jibqgħu joħduh.
It-tagħrif li tpoġġa fil-Parlament għall-mistoqsijiet tal-Membru Parlamentari Byron Camilleri wera wkoll kif in-nefqa fuq l-istipendji żdiedet b’mod konsiderevoli din is-sena.
Għax filwaqt li hemm medja ta’ nofs miljun ewro li marret għand dawn l-istudenti, iż-żieda fin-nefqa hi ta’ €3 miljun fis-sena meta nqabblu din is-sena mas-sena akkademika 2012/2013.
In-nefqa totali fuq stipendji s-sena li għaddiet kienet ta’ €25,468,292. Fl-2012 l-istipendji kienu jkopru nefqa ta’ €22,496,649.