Bosta Maltin, is-Sibt filgħodu stenbħu b’xeni li ħafna drabi narawhom f’pajjiżi ta’ fuq tal-Ewropa meta sabu l-karozzi tagħhom miksija b’tapit abjad ta’ silġ.
Ritratt mibgħut lil one.com.mt minn resident f’Ħal Luqa juri karozzi miksija litteralment bis-silġ li niżel kmieni s-Sibt filgħodu.
Dan wara li l-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltempata qawwija bir-ragħad, riħ qawwi mill-Grigal li kellu forza sitta u anke ħalbiet tas-silġ.
Dan wassal ukoll sabiex mal-lejl it-temperatura naqset taħt l-10 gradi celcius. L-uffiċċju Meteoroloġiku fl-ajruport ħareġ twissija ta’ riħ mill-Grigal moderat li għadha fis-seħħ. Qal li matul il-jum arja ta’ pressjoni għolja se tiksi l-Punent u ċ-ċentru tal-Mediterran bit-temperatura mhux mistennija taqbeż it-13-il grad celcius.
Ibgħatilna r-ritratti tiegħek fuq onenews@onenews.com.mt jew fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook.