Żieda ta’ 16.5% fis-safar tal-Maltin matul l-2018 – One News

Żieda ta’ 16.5% fis-safar tal-Maltin matul l-2018

Matul is-sena 2018, il-Maltin siefru 16.5% aktar meta mqabbel mas-2017. Dan hekk kif kienu 667,000 persuna li siefru.

L-iljieli li l-Maltin qattgħu waqt is-safar tagħhom żdiedu b’14% għal kważi 4,500,000 lejl.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li n-nefqa totali fi 12-il xahar kienet ta’ 563,000,000 ewro. 9% iktar mill-2017.

Irriżulta wkoll li fir-raba kwart tas-sena l-oħra, il-Maltin siefru kważi 15% aktar meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena 2017.

Bejn Ottubru u Diċembru tal-2018, kienu 184,000 persuna li siefru ‘l barra minn Malta.

It-turisti li siefru lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedu bi 13.3 %, filwaqt li dawk li għażlu pajjiżi ‘l barra mill-Unjoni Ewropea żdiedu b’25%.

L-Italja u r-Renju Unit baqgħu l-iktar żewġ pajjiżi popolari mal-Maltin, hekk kif kważi nofs dawk li siefru fir-raba kwart tas-sena l-oħra għażlu dawn id-destinazzjonijiet.

L-iljieli żdiedu bi 15%, u dawn ammontaw għal iktar minn 1,200,000. F’termini assoluti, il-maġġoranza ta’ dawn l-iljieli tqattgħu f’akkomodazzjoni privata.

Finanzjarjament, in-nefqa tal-Maltin bejn Ottubru u Diċembru li għaddew żdiedet bi kważi 8%, u ammontat għal aktar minn €148, 000,000, ekwivalenti għal medja ta’ €800 kull vjaġġ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend