Il-kelba tad-Dwana Sophie sabet iktar minn tnejn u għoxrin elf ewro fi flus mhux dikjarati fuq passiġġier fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Waqt tfittxija koordinata fis-sala tat-tluq, il-kelba indikat passiġġier li seta kellu ammonti kbar ta’ flus.
Wara li saret tfittxija fuqu, instabu sittax-il elf ewro. It-tfittxija kompliet fil-hand lugagge, fejn hemmhekk instabu elf, tliet mija ħamsa u sittin ewro.
Sussegwentament, żewġ bagalji oħra tiegħu li kienu għaddew miċ-check-in tniżlu mill-ajruplan, u fihom instabu erbat elef, disa mija u ħamsin ewro.
Il-passiġġier għadda f’idejn il-Pulizija ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus, u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jum tas-Sibt.
Intant, f’eżerċizzju rutina ta’ sorveljanza, uffiċjali tad-Dwana sabu ħames mija u għoxrin flixkun inbid bla marka tad-dazju tas-sisa f’restorant f’Paceville. Investigazzjoni fuq l-importazzjoni li saret fil-passat sabet eluf ta’ fliexken oħra tal-inbid li tpoġġew fis-suq mingħajr ma tħallsu t-taxxi meħtieġa.