“Pa ma nafx minn fejn se naqbad nibda. Ħallejtna hekk ħabta u sabta kont għadni kif ngħidlek “Good Day Da”, u daqshekk. Fejn kont qed nobsor li mhux se narak iktar”. Hekk qalet it-tifla ta’ Benny Casha fuq is-sit soċjali Facebook fuq missierha Benny, li kien tant maħbub minn bosta nies, atturi u sportivi.
Hija tinsab ixxukkjata bin-numru sostanzjali ta’ messaġġi li rċeviet minn bosta nies. Hija tgħid li hi kburija ħafna b’missierha u tirringrazzjah ta’ kemm għamel magħha. Tiftakar ukoll fil-messaġġi sbieħ li kien kitbilha f’għeluq sninha.
Hija tgħid ukoll li missierha Benny kien bniedem ta’ ftit kliem però dak li kien jgħid, kien jgħidu mill-qalb.
Mariah tkompli taqsam il-memorja ta’ missierha meta ġiet aċċettata bħala studenta fl-Università, kemm ferħu flimkien u hawnhekk tirrakkonta kemm tispikka l-vulnerabilità ta’ missierha, li kien emozzjonat li bintu għamlet pass daqshekk importanti f’ħajjitha.
Hi tgħid li se tgħożż dak kollu li tgħallmet minnu u li għadha qed tistennih jidħol mil-bieb tad-dar.
Twiegħed ukoll li se tieħu ħsieb lil ommha, lil huha Keith u kif ukoll lin-nanniet u qraba.
Kien hemm iktar esperjenzi sbieħ però Mariah tgħid li dawn għandhom jibqgħu bejniethom “għax hekk għandu jkun”.
Il-funeral ta’ Benny Casha se jsir għada s-Sibt fil-7.45am fil-Knisja tal-Isla.