Il-GWU tilqa’ l-ftehim milħuq dwar il-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA – European Labour Authority).
Dan huwa pass ’il quddiem biex id-drittijiet tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea jkunu mħarsa aktar. Huwa wkoll it-twettieq ta’ aspett ieħor tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali.
L-importanza tal-ħolqien ta’ din l-Awtorità huwa wkoll fil-fatt li fi ftit tax-xhur oħra għandha tidħol fis-seħħ id-direttiva Ewropea dwar l-ippustjar tal-ħaddiema. Kif hu indikat fil-missjoni tagħha l-Awtorità se jkollha l-kompitu li tara li d-direttivi Ewropej dwar il-qasam tax-xogħol ikunu implimentati u ma jkunx hemm sfruttament tal-ħaddiema.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jisħaq li bħala Union li kienet impenjata b’mod attiv mal-moviment trejdunjonista Ewropew, biex jidħlu fis-seħħ id-direttiva Ewropea dwar l-Ippustjar ta’ Ħaddiema u l-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, tħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin biex jattwaw dan il-ftehim milħuq bejn il-Kummisssjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew.
“Il-GWU se tkun viġilanti biex tara li l-benefiċċji ta’ din l-awtorità jaslu għand il-ħaddiema f’Malta. Il-miri tal-awtorità jinkwadraw ukoll fil-ħidma li qed inwettqu biex f’pajjiżna l-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jitwessa u jkopri x-xogħol li jagħmlu ħaddiema tal-kuntratturi f’azjendi terzi. Nemmnu li b’hekk biss inkomplu nnaqsu l-ħakma tal-prekarjat u neqirdu l-isfruttament tal-ħaddiema Maltin u barranin,” stqarr is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.