Il-Gvern jagħti kważi €4 miljun lill-Caritas – One News

Notifiki

Il-Gvern jagħti kważi €4 miljun lill-Caritas

 

Ġimgħa wara li l-Oppożizzjoni pprovat tallega li l-Gvern mhu jagħmel xejn fil-qasam soċjali, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, u l-Caritas, iffirmaw ftehim ta’ €4,000,000 biex tkun tista’ tkompli ssaħħaħ il-programmi ta’ rijabilitazzjoni għal vizzju tad-droga.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana, id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li dan il-Public Social Partnership, se jkopri t-tliet snin li ġejjin u se jintuża għal servizzi differenti.

Anthony Gatt id-Direttur tal-Caritas qal: “Il-ftehim ikopri diversi servizzi, fosthom servizzi fil-komunità għall-individwi bil-problemi tad-droga, servizzi għall-familjari, iċ-ċentru residenzjali għall-irġiel, iċ-ċentru terapewtiku f’San Blas, u l-programm ta’ residenza għan-nisa”.

Qal li minħabba li s-servizzi huma bla ħlas, għotjiet bħal dawn huma kruċjali biex persuni vulnerabbli jingħataw sostenn immedjat meta jfittxu l-għajnuna.

Huwa kompla billi qal: “Din l-għajnuna hija kruċjali għaliex il-Caritas tiddependi ħafna minn dawn l-għajnuniet. Għandna diversi benefatturi li jaħdmu magħna imma l-kollaborazzjoni mal-Gvern hija importanti biex inkomplu nħallu dan il-legat ta’ servizzi fis-snin li ġejjin”.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, is-Sur Gatt qal li matul is-sena li għaddiet il-Caritas tat l-għajnuna lil madwar 700 ruħ li nħakmu mill-vizzju tad-droga, u madwar 500 qarib tagħhom.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fakkar li l-Gvern għandu impenn soċjali b’saħħtu f’kull aspett tas-settur, tant, li kważi terz tal-fondi tal-pajjiż imorru għal dan il-qasam.

Il-Ministru Michael Falzon qal: “Ngħid biss li s-sena li għaddiet kellna 10 miljuni għal dan is-settur li din is-sena telgħu għal 12-il miljun, u għandna aktar minn 40 Public Social Partnership ma’ NGOs li barra n-nefqa rikorrenti dawn huma affarijiet li juru sens ta’ solidarjetà veru bejn l-istituzzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam tant kruċjali”.

Dan il-ftehim jingħaqad ma’ bosta inizjattivi oħra ta’ dan il-Gvern biex persuni mirkuba mill-vizzju tad-droga jingħataw l-aqwa terapija li tkun effettiva u ż-żgħażagħ jerġgħu jintegraw fil-komunità.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend