Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qiegħed jimplimenta azzjonijiet biex inaqqas kemm jista’ jkun l-impatt li jista’ jħalli l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bla ftehim fuq is-settur turistiku ta’ pajjiżna.Dr Muscat qal li l-akbar sfidi huma l-effett r-rata tal-kambju bejn l-isterlina u l-ewro u l-fiduċja tal-konsumaturi fir-Renju Unit. Madankollu huwa stqarr li jinsab fiduċjuż li pajjiżna se jkun qed jegħleb ukoll dawn l-isfidi.
Il-Prim Ministru qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza is-sitt edizzjoni tal-Forum tat-Turiżmu fil-Mediterran li qiegħed ilaqqa’ mal-1,000 delegat minn 36 pajjiż li għandhom interess fit-turiżmu fil-Mediterran.
Għal dan il-forum attendiet ukoll il-Prinċipessa Dina tal-Ġordan hekk kif pajjizna minn din is-sena se jibda jopera titjiriet diretti lejn il-Ġordan.
Il-Prim Ministru qal li pajjiżna wasal f’punt, fejn lil hinn mir-rekord ta’ aktar minn żewġ milju u sitt mitt elf turist li żaru Malta s-sena li għadda, jibda jiġbed turisti ta’ kwalità li jonfqu aktar.
Qal li sabiex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità, rridu nagħmlu investiment fl-infrastruttura u anki f’postijiet turistiċi.
Il-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi sejjaħ lil Malta bħalha “City destination”. Qal li l-2018 kienet sena pożittiva għal pajjiżna b’rekord ta’ turisti f’Malta.
Il-Ministru ħabbar ukoll li tqabbdet kumpanija Ingliza li flimkien mal-Gvern u l-MHRa biex tgħin fir-riġenerazzjoni ta’ Paceville.
Il-Forum kien indirizzat ukoll mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.