Kważi tnejn minn kull tifel u tifla taħt is-sittax-il sena li jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma saritilhomx eżaminazzjoni medika jew ma ngħatawx it-trattament meħtieġ li kellhom bżonn.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea li jitfgħu dawl dwar il-kura li qed jingħataw it-tfal fl-Unjoni Ewropea fosthom fil-kura tas-snien.
L-istatistika turi li fl-elfejn u sbatax, kull tifel u tifla f’Malta u Għawdex li kellhom bżonn xi trattament jew eżaminazzjoni medika mit-tobba, ħaduha.
Il-Eurostat qal li Malta kienet fost seba’ pajjiżi Ewropej li rnexxielhom inaqqsu r-rata taħt il-wieħed fil-mija. L-uniċi pajjiżi li kellhom rata ftit aħjar minn ta’ Malta kienu l-Kroazja, Spanja, l-Ungerija, il-Ġermanja u l-Awstrija.
L-ogħla rati ta’ tfal li ma ngħatawx trattament jew eżaminazzjoni medika kien fil-Belġju bi kważi disat itfal minn kull mija, ir-Rumanija b’aktar minn sebgħa fil-mija u tfal Żvediżi b’aktar minn erbgħa fil-mija.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru wkoll li t-tfal li kienu jgħixu f’familja b’ġenitur wieħed kienu f’riskju akbar li ma jingħatawx il-kura meħtieġa meta mqabbel ma’ tfal li kienu jgħixu f’dar b’żewġ adulti jew aktar. Bi 2.3 fil-mija, Malta kellha wkoll rata baxxa ta’ tfal li ma jieħdux ħsieb ta’ snienhom.
Fost il-fatturi li għalihom it-tfal ma jingħatawx it-trattamenti meħtieġa hemm kwistjonijiet finanzjarji, listi twal ta’ stennija, ivvjaġġar għall-kura barra l-pajjiż, nuqqas ta’ ħin minħabba l-esiġenzi tax-xogħol jew nuqqas ta’ kura minn qraba tat-tfal.