Il-proposti fuq it-tassazzjoni fis-settur tal-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE jistgħu jdgħajfu s-saħħa tal-Istati Membri u jnaqqsu l-flessibilità tagħhom li jiddeċiedu dwar rati mnaqqsa jew ta’ rati żero tal-VAT. Dan qalu Alfred Sant fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu meta spjega għaliex astjena fuq ir-rapport ‘VAT: Sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri’. L-MEP Malti wissa li din ir-riforma għandha titfassal b’attenzjoni sabiex jiġu evitati konsegwenzi bħal dawn.
Ir-rapport huwa parti mir-riforma kontinwa tal-VAT, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2016, u immirata biex in-negozji jgawdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Komuni u jsiru aktar reżiljenti għall-frodi.
L-Ewroparlamentari qal li din is-sistema definittiva tal-VAT fuq il-kummerċ għandha l-għan li żżid l-isforzi biex tnaqqas id-differenza bejn kemm għandha tinġabar VAT u kemm effettivament qed tinġabar. Tista’ tissimplifika l-proċeduri biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministratttivi tal-kumpaniji u tiffaċilita transazzjonijiet bejn negozju u ieħor. Barra minn hekk bl-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “Certified Taxable Person”, tistabbilixxi l-istatus ta’ persuna taxxabbli affidabbli, fl-aħħar mill-aħħar tiffaċilita l-kummerċ u tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji li joperaw fi stat membru u jagħmlu l-kummerċ fi stat membru ieħor.
“Dawn huma riżultati mixtieqa ħafna. Madanakollu, dawn ir-riformi għandhom jitfasslu b’attenzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu ċerti li fejn hu applikabbli, jżommu l-garanziji eżistenti biex japplikaw rati żero fuq l-ikel u l-farmaċewtiċi anke wara l-introduzzjoni tas-sistema definittiva tal-VAT. Kwalunkwe żidiet fil-prezz li jistgħu jinqalgħu wara d-dħul tas-sistema definittiva jkunu totalment inaċċettabbli.”
Dr Sant emfasizza li din ir-riforma fit-taxxa ma għandhiex iddgħajjef il-miżuri li bihom jinġabru t-taxxi jew l-inċentivi u s-salvagwardji li jagħmlu s-sistema tal-VAT b’saħħitha. Billi r-responsabbiltà tar-rapportaġġ tal-VAT tmur fuq il-fornitur fi Stat Membru ieħor, bis-sistema definittiva proposta hemm riskju li tneħħi l-istati membri tal-UE jitilfu għodda biex jiġbru t-taxxi dovuti lilhom.
“Għal dawn ir-raġunijiet qed nastjeni fuq il-vot finali.” irrimarka l-MEP Malti.