Biex jintgħoġbu ma’ grupp ta’ nies li jġibu l-politika partiġjana qabel il-pajjiż, l-ewroparlamentari Nazzjonalisti għamlu ġimgħa jaħdmu kontra Malta.
Qalu dan il-Ministru Owen Bonnici u l-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, f’konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Bonnici nnota li l-MEPs Nazzjonalisti għadhom ma rrealizzawx kif il-kampanji tagħhom huma maqtugħa għalkollox minn dak li qed iħoss il-poplu. Għax kull istituzzjoni li għandna f’pajjiżna hi fdata iktar minnhom.
Il-Ministru Owen Bonnici qal: “Li tikkritika l-Gvern hija ħaġa normali f’demokrazija, imma li tagħmel ħsara lill-pajjiż hija inaċċettabbli. Li jkollok membri parlamentari Ewropej li jagħmlu ġimgħa jaħdmu kemm jifilħu biex ifixklu lil pajjiżna, biex jagħmlu ħsara lil pajjiżna, anke f’oqsma fejn jidħol it-taxxa li hu qasam importanti ħafna. Dik hija xi ħaġa inaċċettabbli, u rridu allura nibagħtu sens ta’ kuraġġ lill-poplu Malti li aħna bħala Gvern ha nkomplu għaddejjin bix-xogħol li qed nagħmlu biex l-ekonomija tkompli timxi l quddiem, u l-familji jkomplu jgħixu aħjar.”
Fil-bidu tal-ġimgħa David Casa attakka l-Qrati quddiem kumitat tal-Parlament Ewropew dwar it-taxxa, Roberta Metsola ftaħret li kienet parti minn rapport kontra Malta u Francis Zammit Dimech kompla jattakka l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment li minnu qed igawdu l-Maltin u l-Għawdxin.
Fakkar li Casa qal li ma jeżistux investigazzjonijiet serji. Dan meta hemm investigazzjoni li għaddejjin u oħrajn li ngħalqu u li lilu u lil Simon Busuttil ma tawhx raġun.
Il-Ministru Bonnici, qal li issa dawn mhux biss qed jattakkaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna barra minn xtutna, iżda qed jigdbu biex jagħmlu dan.
Il-kandidat Cyrus Engerer nnota d-differenza kif jaħdmu l-MEPs Nazzjonalisti u dawn tal-Partit Laburista – u kif din l-attitudni hi prova li l-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia baqa’ ma nbidilx.
Cyrus Engerer, Kandidat għall-elezzjonijiet tal-parlament Ewropew qal: “Il-mistoqsija issa hi jekk il-kandidati l-ġodda tal-PN humiex se jagħmlu l-istess ħaġa. U dan ngħidu għaliex għaddew issa tlett ijiem u għadna ma smajna xejn minn naħa tagħhom b’kundanna għal dak li ghamlu l-MPE Nazzjonalisti. Dan ifisser li jekk jitilgħu huma ħa jagħmlu eżatti l-istess bħal dawk li hemm illum? Naħseb il-poplu Malti u Ghawdxi jixtieq politiċi li huma differenti. Jistenna ħafna aħjar mill-politiċi Maltin u jrid jara politiċi li jaħdmu għal Malta l-ewwel u qabel kollox.”
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li l-pajjiżna għandu ċertifikati pożittivi ta’ istituzzjonijiet rispettati u indipendenti minn madwar id-dinja, li jikkuntrastaw mal-gideb tal-Partit Nazzjonalista.