“In-nisa għadhom jaqilgħu medja ta’ 16.2% inqas mill-irġiel fl-UE. Dan mhux ġust. Din l-inugwaljanza ma nbidlitx matul dawn l-aħħar snin. Għandna bżonn naħdmu flimkien biex inġibu l-bidla u nkunu żguri li din l-inugwaljanza ssir ħaġa tal-passat”, qalet il-Kummissarju Jourová,Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza bejn il-Ġeneri f’Jannar 2019.
Mingħajr id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel il-Prodott Gross Domestiku (PGD) madwar l-Ewropa jista’ jiżdied sa 0.2% ir-ras fil-perjodu 2030 – 2050. Iktar minn hekk, żieda fil-pagi tan-nisa tista’ tnaqqas ir-rata ta’ faqar tan-nisa, tikkontribwixxi biex iktar nisa jimxu f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet.
Diversi fatturi jwasslu għad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel inkluż paga mhux ugwalibejniethom. Paga ugwali għal xogħol ugwali hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni
Ewropea.
Filfatt, il-prinċipju ta’ ‘paga ugwali għal xogħol ugwali’ hija stabbilita fit-Trattati tal-UE, waqt li l-liġi tal-UE tipprojbixxi diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq bażi ta’ sess.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta wkoll tħares id-drittijiet ugwali tan-nisa u l-irġiel u li “l-ħaddiema nisa jgawdu drittijiet indaqs u l-istess pagi għall-istess xogħol bħal irġiel”.
Minn barra dan, liġijiet nazzjonali oħra jipproteġu paga ugwali għal xogħol ugwali, u jipprojbixxu diskriminazzjoni fil-paga.
Madankollu, in-nisa f’Malta jitħallsu medja ta’ 11% inqas mill-irġiel u l-inugwaljanza fil-paga tista’tkun waħda mill-fatturi li jwasslu għal din id-diskrepanza.
Sabiex tiġi assessjata l-implimentazzjoni ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika li tiffoka fuq l-ostakli ewlenin f’livelli nazzjonali u Ewropej
biex jinfurzaw il-prinċipju ta’ ‘paga ugwali’ għan-nisa u l-irġiel, inkluż in-nuqqas ta’ miżuri ta’ trasparenza; sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ xogħol li mhumiex newtrali għall-ġeneru; u
limitazzjonijiet fil-protezzjoni ta’ vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Ċittadini, awtoritajiet pubbliċi, imsieħba soċjali, soċjetà ċivili u riċerkaturi għandhom opportunità li jaqsmu informazzjoni, ħsibijiet u esperjenzi bl-għan li jinstab kors ta’ azzjoni biex tiġi implimentata u inforzata aħjar il-paga ugwali.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha u lill-pubbliku in ġenerali biex jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika u
jagħtu l-ħsibijiet tagħhom sabiex b’hekk tkompli l-ħidma lejn il-kisba ta’ paga ugwali għan-nisa u l-irġiel bil-għan li tissaħħaħ l-ugwaljanza tal-ġeneri u tiżdied il-prosperità ekonomika għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Tista’ tagħti r-rispons tiegħek fi kwalunkwe lingwa tal-UE sa mhux iktar tard mill-5 ta’ April fuq:
https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2018-3415794/publicconsultation_en#responding-to-the-questionnaire