Il-Fondazzjoni Marigold b'enfasi ikbar fuq id-donazzjoni tal-organi | One News

Notifiki

Il-Fondazzjoni Marigold b’enfasi ikbar fuq id-donazzjoni tal-organi

Il-Fondazzjoni Marigold se tkun qed tagħmel enfasi sabiex iktar nies jinfurmaw ruħhom fuq id-donazzjoni tal-organi. Dan sabiex jikber l-ammont ta’ nies f’pajjiżna li jiddeċiedu li wara li jmutu l-organi tagħhom jingħataw lil dawk li jkollhom bżonn trapjan ta’ xi organu.

Ħabbet dan iċ-ċerpersin tal-Fondazzjoni Marigold is-Sinjura Michelle Muscat f’attività fi Pjazza Ħelsien il-Belt Valletta li mmarkat il-ħames snin minn meta twaqqfet din l-entità. Qalet ukoll li hija saret donatur tal-organi.

Is-Sinjura Muscat fakkret li l-għan ta’ Marigold huwa li tgħin lil għaqdiet mhux governattivi kbar u żgħar li ġa jeżistu. Dawn jaħdmu bla waqfien biex jgħinu lil dawk li jkollhom bżonn servizz partikolari.

Fissret ukoll kif il-Marigold taħdem fuq tliet binarji: l-aspett soċjali, l-aspett edukattiv kif ukoll l-aspett tas-saħħa.

Fil-preżenza ta’ diversi entitajiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam volontarju u soċjali, hija qalet li dawn il-ħames snin ta’ Marigold kienu snin ta’ tlugħ u nżul imma sodisfaċenti, tant li mix-xogħol li jsir igawdu mhux biss il-persuni li tingħatalahom l-għajnuna iżda anke dawk ta’ madwarhom.

Hija temmet b’appell sabiex għaqdiet oħra li jixtiequ jibbenefikaw mill-ħidma sfieqa tal-Fondazzjoni Marigold, jersqu ‘l quddiem.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend