L-eks preżentatur ta’ Radio 101 David Thake ġie kkundannat multa ta’ €3,000 wara li nstab ħati li mmalafama lil Patrick Cassar, dak iż-żmien Surġent tal-Pulizija.
Fil-programm li xxandar f’Ġunju ta’ 3 snin ilu, Thake qara email li allegat li s-Surġent ma kien jifhem f’xejn, li kien inkompetenti, u li ngħata glorja kbira għax Laburist.
Madankollu fil-qorti ħareġ li Cassar kien ilu 23 sena fil-Korp tal-Pulizija, u bejn l-2006 u l-2015, attenda għadd ta’ korsijiet fl-Istati Uniti u pajjizi oħra, inkluż mal-FBI, dwar użu ta’ armi u pistoli varji.
Il-Qorti innutat li x-xandir tal-kontenut tal-email minn Thake, mingħajr ma għamel ebda sforz biex jivverifika l-allegazzjonijiet hi “indikazzjoni ċara tal-istat fqir u bla etika li bih kien jitmexxa l-programm”.
Fil-fatt fil-Qorti rriżulta li s-Surġent qatt ma kien inkarigat fl-għażla ta’ nies għall-korsijiet ta’ taħriġ, u kien imħarreġ biżżejjed biex jagħmel xogħlu ta’ trainer b’kompetenza u lealtà lejn il-Korp tal-Pulizija.
“Tali azzjonijiet kodardi u viljakki”, żiedet il-Qorti, “jagħmlu ħsara kbira lill-komunità kollha tax-xandir lokali u l-kredibbiltà li għandu jkollha maċ-ċittadin”.